Membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista llejla bdew jivvotaw dwar jekk il-membri tal-partit għandhomx jiġu mistiedna biex jikkonfermaw lil Adrian Delia bħala kap tal-partit jew tinżammx elezzjoni ta’ tmexxija.
Id-deċiżjoni biex l-1,630 kunsillier jiddeċiedu t-triq ’il quddiem għall-Partit ittieħdet wara laqgħa tal-eżekuttiv li żvolġiet nhar il-Ħamis li għadda.
Dan wara li Delia tilef voti ta’ fiduċja kemm fil-grupp parlamentari u kif ukoll fl-eżekuttiv aktar kmieni dan ix-xahar.
L-eks-Kap Nazzjonalista u eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien fost l-ewwel li tefa’ l-vot tiegħu. Il-proċess tat-tfigħ tal-voti jiġi fi tmiemu nhar is-Sibt li ġej.
Ir-riżultat tal-vorazzjoni mistennija li titħabbar għall-ħabta tat-8.00 p.m. nhar is-Sibt stess.
Intant il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista qalet li 484 Kunsillier ivvutaw fl-elezzjoni bikrija tal-Kunsill Ġenerali straordinarju li saret illum. Erba’ mija u erbgħa (404) ivvutaw fid-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal-Pieta’ f’Malta u 80 ivvutaw fis-sub headquarters tal-PN f’Ta’ Sannat f’Għawdex. Il-Kunsillieri eleġibbli li jivvutaw jammontaw għal 1,630.