Friday, May 3, 2024

Steward US tagħti donazzjoni ta’ 100,000 maskra tal-wiċċ lill-komunita’ Għawdxija u Maltija

Aqra wkoll

Il-kwartieri ġenerali ta’ Steward Health Care fl-Istati Uniti taw donazzjoni ta’ 100,000 maskra tal-wiċċ biex jintużaw fil-komunità Għawdxija u Maltija, speċjalment minn nies vulnerabbli, sabiex jgħinu fil-prevenzjoni tat-tixrid ta’ COVID-19.

Il-maskri ngħataw waqt attività li saret fl-uffiċċji ta’ Steward Health Care Malta u li kienet ippreseduta minn Dr Nadine Delicata, Direttur Eżekuttiv u President ta’ Steward Health Care Malta.

Preżenti waqt l-avveniment kien hemm il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Clint Camilleri, ix-Chargé d’Affaires ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika Mark Schapiro, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex John Borg, u l-Amministratur tad-Dar tal-Providenza Nadine Camilleri Cassano.

Dr Delicata qalet li din id-donazzjoni minn Steward US tenfasizza l-importanza tal-messaġġ li, filwaqt li r-restrizzjonijiet tneħħew, kulħadd jeħtieġ jibqa’ viġilanti u josserva l-miżuri ta’ saħħa pubblika fl-isforzi biex in-numru ta’ każijiet ta’ COVID-19 fil-komunità jinżammu baxxi kemm jista ’jkun. Qalet li d-donazzjoni tikkonferma l-impenn ta’ Steward lejn il-komunita’ f’Malta u Għawdex.

Fil-fatt dawn il-maskri se jitqassmu lill-NGOs f’Malta u Għawdex bħal id-Dar tal-Providenza, biex isostnu l-isforzi ta’ dawn l-entitajiet sabiex irażżnu t-tixrid tal-virus u jipproteġu l-iktar membri vulnerabbli tal-komunità.

Dawk preżenti waqt l-avveniment irringrazzjaw lil Steward ta’ dan il-ġest u, bl-istess mod, enfasizzaw il-ħtieġa ta’ aktar appoġġ u l-kura fil-komunità, speċjalment lejn nies vulnerabbli, kif ukoll li l-pubbliku jibqa’ konformi mad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Sport