Diskrepanza fl-ispejjeż tat-trasport u l-valur tal-merkanzija ddikjarata, kien wieħed mill-fatturi li wasslu biex il-pulizija ssib kwantità kbira ta’ droga moħbija f’vann li wasal minn Sqallija l-Ħadd li għadda.
Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Mustafa El Madhoun, Bulgaru ta’ 28 sena, li qiegħed jaffaċċja akkużi b’rabta ma’ sejba ta’ 38 kilo droga suspettata kokaina, eroina u kannabis sabiex tkun ittraffikata f’Malta. Il-valur ta’ din id-droga fis-suq hu stmat li jammonta għal €1.5 miljun.
L-Ispettur Justine Grech, li qiegħda tmexxi l-Prosekuzzjoni, xehdet li l-akkużat kien ipprovda lill-pulizija b’dokumentazzjoni li turi li l-merkanzija li kellu kienet tikkonsisti f’silla u għalf għall-annimali li kienet mibgħuta mill-Awstrija.
Kelb mit-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija kien indika li fil-vann seta’ kien hemm id-droga u għalhekk ġie skortat għal aktar tfittxijiet. Il-Pulizija wettqet tfittxija fil-vann fejn irriżulta li parti minnu kellu kompartamenti foloz. Is-sustanzi li nstabu kienu jikkonsistu minn 29 kg kannabis, 5 kg kokaina u 4 kg eroina.
Mistoqsi mid-Difiża x’wassal għas-suspetti tal-pulizija, l-Ispettur spjega li l-vetturi li jaslu u jitilqu minn Malta jkunu mmoniterjati u li l-pulizija nnutat ċirkostanzi suspettużi fil-mod kif il-‘booking’ ġie emendat ripetutament. “Il-merkanzija abbord ma kinitx tidher tagħmel sens fid-dawl tal-ispiża tal-vjaġġ, u għalhekk il-pulizija kienu marru fuq il-post biex jispezzjonaw il-vann.”
“It-tweġibiet tas-sewwieq għal mistoqsijiet bażiċi dwar il-merkanzija komplew iqajmu s-suspetti tal-pulizija. Imbagħad issejħu l-klieb u indikaw li kien hemm id-droga,” kompliet tispjega l-Ispettur Grech.
Il-każ ikompli fis-17 ta’ Awwissu.
L-Avukati Josè Herrera, Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran dehru għar-raġel.