Saturday, May 4, 2024

Il-messaġġ artistiku tal-fliexken tal-plastik fil-Laboratorju tal-Paċi

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Flixkun fuq flixkun tal-plastik. Kuluri blu u ħodor.  Tersaq aktar qribha u tibda tinduna li l-fliexken impoġġijin b’ċertu ordni. Jersaq lejna Patri Dijonisju Mintoff, il-fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi, fejn jinsabu dawn il-fliexken. “Dik turi l-baħar. Għalhekk blu. L-aħdar juri l-ħaxix, il-ħajja li hemm f’qiegħ il-baħar. Is-sinjal mmewġa juri il-mewġ qawwi. Aktar il-fuq tara l-fliexken l-iskart li jarmi l-bniedem u aktar il-fuq mitluq għal tulhom tara l-fliexken li jirrappreżentaw l-immigranti li mietu mgħarrqin fiċ-ċimiterju tal-baħar Mediterran. U fuq nett, il-ġgieget tas-salvataġġ li jintuża u li jilbsu immigranti u li meta jsalvawhom ikunu bihom”.

Patri Dijonisju, li proprju lbieraħ għalaq 91 sena, għandu kollox imħejji għaż-żjara li Papa Franġisku se jkun qed jagħmel fil-Laboratorju tal-Paċi.

Din hi żjara li kien il-Papa Franġisku stess li ried li ssir. Ried jiltaqa’ mal-immigranti li ingħataw kenn mill-Ordni Franġiskan.

Patri Dijonisju Mintoff f’kumment li għamel qalilna li “l-Papa Franġisku, ġie Malta biex jiltaqa’ ma’ dawk li riedu jiltaqgħu miegħu u għalhekk se jqaddes fuq il-fosos u għandu attivitajiet oħra. Hemmhekk se jkun hemm dawk in-nies li jridu jiltaqgħu miegħu. Ried imma jiltaqa’ ma’ nies oħra, dawk li ma setgħux imorru.  Hawnhekk taħt l-istess post hawn jgħixu flimkien immigranti b’diversi reliġjonijiet. Hindu. Musulmani. Kattoliċi. Jgħixu flimkien. Għandhom il-post tagħhom fejn jitolbu. Jgħixu bħal aħwa”, jgħidilna Patri Dijonisju.

Jispjega li ma’ dawn se jkun hemm immigranti oħra li ġejjin minn postijiet li jinsabu fihom madwar Malta. “Se jkun hemm tliet rappreżentanti minn kull post li fih jinżammu l-immigranti”, qalilna l-Patri.

Fil-Laboratorju tal-Paċi, Papa Franġisku se jkun jista’ jara b’għajnejh kif jgħixu l-immigranti f’dan il-post. Se jisma’ il-karba tagħhom u ta’ oħrajn.  Il-messaġġ bil-fliexken tal-plastik tħejja minn Carlo Schembri. 

Sport