Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba lejn il-futbol nemmen li titwieled biha, tkun ġo fik, peró jekk tgħidli kemm taffetwa li missierek huwa eks plejer u kien jilgħab ukoll il-futbol, ngħidlek iva taffetwa, kif jgħidu d-demm jiġbed u jien komplejt fuq il-passi ta’ missieri.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek fil-Malta Premier ma’ Valletta FC u Mosta FC.
Bħala esperjenza tiegħi fil-Malta Premier kienet esperjenza sabiħa ħafna. Jekk nerġa’ nibda l- karriera mill-bidu, inbiddel xi affarijiet minnha, għamilt għażliet żbaljati tul il- karriera tiegħi, peró, jekk tara kemm il-logħba lgħabt u s-suċċessi li kont parti minnhom jiena kuntent ħafna ħafna, għalkemm ma tantx sibt min jemmen fija xorta bqajt għaddej bil-kuraġġ li dejjem sibt mill-familja tiegħi.
U dik preżenti fil-Malta Veterans ma’ Gzira United FC Veterans.
Il-Kampjonat tal-Veterani huwa wieħed interessanti ħafna bi plejers ta’ esperjenza kbira u ta’ livell għoli ħafna. Il-livell tal-kampjonat huwa tajjeb ħafna. Il-futbol li jintlagħab huwa sabiħ u bi ħsieb. Ta’ min isemmi lill-president tal- Veterani Malcolm Camilleri u l-kowċ tan-nazzjonal Joe Micallef li dawn jiġu u jsegwu mill-viċin kull logħba li tintlagħab. Apparti hekk qegħdin jorganizzaw anke logħob barra l-pajjijż ma’ timijiet barra minn xtutna u anke f’pajjijżna li dawn jibqgħu ikunu ta’ esperjenza sabiħa għall-karriera.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-Kampjonat fil-ġimgħat li għaddew?
Ma tantx se ndum naħsibha x’kien is-sigriet tar-rebħ tal-kampjonat minn Gzira United FC Veterans. Is-sigriet kien l-għaqda li hemm bejn il-plejers u t-‘team work’ li jkun hemm fil-grawnd. Dan kollu ma setax isir li kieku ma kienx il-kowċ Kurt James u sieħbu Ralph għal dawn is-suċċessi li ksibna. Apparti hekk tajjeb insemmi l-plejers ta’ esperjenza li hemm fit-tim li kollha kienu parti minn suċċessi kbar fil-passat fil-Malta Premier. Apparti hekk, nixtieq ukoll insemmi lill-familji tal-plejers kollha tal-paċenzja li jieħdu bina għax mhux faċli tmur tilgħab tard bil-lejl.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti inġenerali, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Rigward il-futbol lokali ma tantx għadni nista’ nitkellem għaliex ma nsegwihx, biex inkun onest irid ikun hemm xi logħba diretta fuq it-televixin biex nara logħba ta’ Malta. Bħala livell naħseb li l-plejers barranin li kienu jiġu qabel jilagħbu f’pajjiżna kienu aktar ta’ livell, ma kellniex ħafna tlieta jew erbgħa kull klabb peró kienu ta’ livell ikbar dejjem fl-opinjoni tiegħi. Bħala plejers promessi lokali nemmen li hemm futur sabiħ jekk dejjem jagħmlu sagrifiċċju u jagħżlu li jibqgħu jilagħbu l-futbol.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala riżorsi, kuntenti ħafna … bħala grawnds tajbin ħafna fejn nilagħbu l-logħob tal-Veterani. L-organizzaturi tal-kampjonat dejjem jaħdmu biex il-livell jibqa’ wieħed għoli u jagħtu lilna riżorsi tajbin.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi fil-futbol mhuwiex se jdum ħafna. Għadni mmur għall-Kampjonat tal-Veterani għax għadni nħossni tajjeb li niġri u nilgħab peró bħala futbol u kowċing minix interessat. Nemmen li l-futbol ħadli jew aħjar iddedikajt biżżejjed ħin għalih … issa l-ħin li nagħti l-ħin u niddedika ruħi għall-mara u għat-tfal tiegħi. Il-futbol huwa ta’ sagrifiċċju kbir u jieħu ħafna u ħafna ħin.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi lil min għadu tiela’ u jispera li jilgħab u jirbaħ l-unuri fil-Malta Premier jew jilgħab barra l-pajjiż huwa li jrid jagħmel sagrifiċċji u juri dedikazzjoni.
Jekk ma jkollokx dawk u tkun lest li l-ħrug u lill-ħbieb tinsihom fil-ħinijiet tal-ħruġ ma naħsibx li tista’ tasal sal-livell li tilgħab fil-Premier u tirbah l-unuri. Dejjem minn qalbi nawgura lill-plejers kollha dawk promessi li jilħqu fejn jixtiequ u jaqtgħu x-xewqa tagħhom li jirbħu l-unuri u anke jekk huwa possibli jmorru jilagħbu barra l-pajjiż.