“Minn żmien għal żmien jiġu ppubblikati diversi sondaġġi politiċi u li joffru diskrepanzi li jwasslu biex in-nies jibdew jitħawdu dwar liema huwa l-iktar korrett”. Iddikjara dan l-istatistiku Dr Vincent Marmarà meta mistoqsi minn Talk.mt rigward it-tħassib tal-pubbliku fir-rigward ta’ diversi ċifri li ġew ippubblikati minn diversi gazzetti fl-aħħar ġimgħat u xhur, liema riżultati joffru xaqlib kbir minn wieħed għall-ieħor.
Dr Marmarà qalilna li kif dejjem għamel hu f’kull studju, dejjem qagħad attent ta’ x’numri jippubblika u dan huwa sostanzjat ferm bir-riżultati tiegħu kkumparati mar-riżultati elettorali tal-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali.
Rigward il-metodu, Dr Marmarà qalilna li l-kampjun tiegħu jittieħed b’dik li tissejjaħ probability sampling b’tali mod li kulħadd ikollu l-istess ċans biex jipparteċipa. Żied jgħid li meta tibda tinġabar l-informazzjoni fuq dak il-kampjun, huwa jibqa’ jiġbor l-informazzjoni bbażata fuq demografiċi importanti tal-pajjiż liema informazzjoni tista’ tbassar l-aktar riżultat veritier. Fejn tidħol l-interpretazzjoni u l-analiżi tar-riżultat, l-istatistiku qalilna li l-multiple imputation technique tintuża biex dawk li jirrifjutaw li jwieġbu jkun jista’ jsib tweġiba alternattiva (xjentifika) biex ikun jaf eżattament pereżempju għall-mistoqsija f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada lil liema partit politiku se jivvutaw.
“Allura anke fl-interpretazzjoni, napplika wkoll metodi xjentifiċi biex inkun ċert li dak li qiegħed nippreżenta lill-poplu jkun kemm jista’ jkun qrib il-fatti u b’hekk ikun preċiż kemm jista’ jkun għas-sitwazzjoni reali tal-pajjiż”, temm jgħidilna l-istatistiku.