Monday, May 6, 2024

IL-POST TAX-XOGĦOL QED JIPPROTEĠI MILL-PROBLEMI TA’ SAĦĦA MENTALI?

Aqra wkoll

Il-problemi ta’ saħħa mentali, sfortunatament, huma xi ħaġa li minn dejjem kienu jeżistu u minn żmien għal żmien donnhom jerfgħu rashom. Xi drabi saħansitra, naraw ċirkustanza sfortunati li nibdew nisimgħu b’aktar nies li jkunu temmew ħajjithom huma stess.

Is-saħħa mentali mhux dejjem ingħatat l-importanza li kien hemm bżonn f’livelli differenti. Dan narawħ ukoll f’diversi postijiet tax-xogħol tiġi moħbija aktar minħabba stigma jew minħabba biża ta’ telfien ta’ mpjieg. Il-post tax-xogħol huwa ambjent importanti għaliex fih, il-ħaddiema jqattgħu mill-inqas terz tal-ġurnata tagħhom. Għalhekk, iktar minn qatt qabel, tinħass il-ħtieġa ta’ impenn akbar għall-prevenzjoni jew kura għall-problemi ta’ saħħa mentali. Dan hu meħtieġ jekk irridu veramanet innaqqsu mill-konsegwenzi soċjali u gravi li jġibu magħħhom il-problemi ta’ saħħa mentali.

Meta jiġi kkunsidrat li l-ħaddiema jqattgħu ammont sinifikanti ta’ ħin minn ħajjithom proprju fuq il-post tax-xogħol tagħhom fejn il-kollegi jistgħu jinnotaw bidliet importanti fil-ħsibijiet jew fl-imġiba ta’ sħabhom fuq ix-xogħol li jistgħu jkunu sinjali ta’ problemi ta’ saħħa mentali, għandhom jinġiebu mill-ewwel għall-attenzjoni ta’ nies professjonali.

Il-postijiet tax-xogħol għandhom jikkunsidraw bis-serjetà li jiffukaw aktar fuq it-titjib tas-saħħa ġenerali tal-ħaddiema partikularment is-saħħa mentali u mhux dik fiżika biss. Nafu li bosta postijiet tax-xogħol huma konxji ta’ dan u llum qed jagħtu kas iktar milli kienu jagħtu qabel għal ċertu problemi ta’ saħħa.

Fil-kuntest ta’ prevenzjoni tal-problemi ta’ saħħa mentali, min iħaddem għandu jinkludi prattiċi li jippromwovu s-saħħa mentali u fatturi protettivi, fosthom tfassil mill-ġdid tal-kultura tax-xogħol favur saħħet il-ħaddiema nkluż aċċess għall-kura tas-saħħa mentali u taħriġ u kull għajnuna oħra.

Fl-2019 il-Ministeru tas-Saħħa ppreżenta strateġija għas-saħħa mentali għal Malta 2020-2030. Strateġija li se tiggwida l-implimentazzjoni ta’ investiment u riformi li verament iqiegħdu s-saħħa mentali u t-trattament tal-mard mentali fil-qalba tal-aġenda tal-politika tas-saħħa ta’ pajjiżna matul dawn is-snin.

Dan id-dokument jippreżenta l-viżjoni ġenerali għas-saħħa mentali flimkien ma’ sensiela ta’ miżuri li jridu jiġu implimentati. Bidla permezz ta’ taħlita ta’ inizjattivi għall-prevenzjoni ta’ problemi ta’ saħħa fejn possibbli, investiment fir-riżorsi fiżiċi u umani u l-ħolqien ta’ qafas ta’ servizz ġdid li jdur madwar il-bżonnijiet tal-persuni li jagħmlu użu mis-servizz u li joffri numru ta’ servizzi bbażati fil-komunità.

Strateġija b’viżjoni ta’ soċjetà li tippromwovi s-saħħa u l-benessri mentali għal kulħadd, tipprevjeni d-disturbi mentali fost individwi f’riskju għoli u tipprovdi trattament, kura u appoġġ ta’ kwalità lil individwi bi problemi ta’ saħħa mentali.
Inizjattivi bħall-Employee Support Programme għall-impjegati tas-servizz pubbliku u l-għoti ta’ taħriġ fl-Ewwel Għajnuna tas-Saħħa Mentali lil min iħaddem u lill-impjegati minn Richmond Foundation huma ta’ min ifaħħarhom u jeħtieġ li jiġu sostnuti b’klull mod. Anke l-kollaborazzjoni u sinerġija mill-qrib mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) huma importanti wkoll.
Il-pandemija tal-COVID-19 minnha nfisha żiedet l-ansjeta, fil-problemi ta’ saħħa mentali, u ankio fil-ħsibijiet li wieħed iweġġgħa lilu nnifsu.

Mill-banda l-oħra dan kollu għen biex titqajjem kuxjenza dwar dawn il-kwistjonijiet u tinġibed l-attenzjoni ta’ min iħaddem li l-prevenzjoni għandha tkun parti mill-programm u l-politika tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Għal ħafna minna, ix-xogħol huwa parti kbira minn ħajjitna.

Li jkollna xogħol sodisfaċenti jista’ jkun ta’ ġid għas-saħħa mentali u l-benesseri ġenerali tal-poplu tagħna.

Aħna mhux biss nemmnu imma irridu postijiet tax-xogħol fejn kulħadd jista’ jirnexxi. Nemmnu wkoll fir-rwol ta’ min iħaddem, l-impjegati, u t-trejdjunjins fil-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol b’saħħithom.

Huwa għalhekk li l-GWU qed tipproponi li ssir leġislazzjoni ġdida biex ikun obbligatorju li jkun hemm ‘first aider’ fuq is-saħħa mentali f’kull post tax-xogħol.
L-azzjonijiet ta’ min iħaddem u l-kumplament tal-ħaddiema jistgħu jtejbu l-ħajja ta’ min qed ibati bi problemi ta’ saħħa mentali u jistgħu saħansitra jsalvaw il-ħajja ta’ xi wħud. Min iħaddem għandu jaħdem biex joħloq sens ta’ kuxjenza fuq il-post tax-xogħol tiegħu llum.

Sport