Sunday, November 3, 2024

Il-mewġa ta’ sħana tħarbat is-servizz tal-ferrovija fl-Ingilterra

Aqra wkoll

Il-mewġa ta’ sħana li l-Ewropa qed tiffaċċja bħalissa, b’temperaturi għoljin li jaqbżu s-37 gradi celsius qed tħalli l-effetti tagħha f’bosta bliet ewlenin u fuq diversi servizzi. 

Fl-Ingilterra, is-sħana li qed taħkem ikkawżat tfixkil kbir fir-serivzz ferroverjarju l-iktar f’Londra tant li l-passiġġieri tal-ferroviji qed jiġu mwissijin li fil-jiem li ġejjin jistgħu jiffaċċjaw problemi fis-servizzi minħabba l-mewġa ta’ sħana.

Temperaturi għoljin sa 37°C huma mistennija f’Londra kmieni l-ġimgħa d-dieħla u temp sħun jista’ jwassal biex it-temperaturi fil-binarji jilħqu sa 50°C  bil-konsegwenza li l-passiġġieri jkunu riskju partikolari.

L-awtoritajiet tas-servizz tal-ferrovija filwaqt li ħeġġew lin-nies biex jixorbu l-ilma, wissew li l-ferroviji se jaħdmu aktar bil-mod biex titnaqqas it-tensjoni u r-riskji fuq il-passiġġieri. 

Il-kumpanija Avanti West Coast, li topera servizz bejn l-istazzjon Euston ta’ Londra u l-Iskozja, ħajjret lill-passiġġieri biex jippjanaw il-vjaġġ tagħhom minn qabel filwaqt li wissiet li jista’ jkun hemm kanċellazzjonijiet anki fi żmien qasir qabel il-ħinijiet tal-vjaġġi.

Il-kumpanija saħansitra rrikorriet għal midja soċjali biex tavża li s-servizzi ta’ tmiem il-ġimgħa fis-16 u s-17 ta’ Lulju jistgħu jiġu kkanċellati fi żmien qasir. Avżat ukoll li s-servizzi fit-18 ta’ Lulju u fid-19 ta’ Lulju se jkunu suġġetti għal skedi emendati u ħinijiet ta’ vjaġġi estiżi.

Skond Network Rail, il-binarji f’bosta stazzjonijiet huma tal-azzar u jassorbu s-sħana faċilment u għandhom it-tendenza li fihom it-temperatura tinħass 20 grad iktar mit-temperatura tal-madwar. 

Network Rail qalet ukoll li jekk it-temperaturi jkomplu jogħlew jistgħu jwasslu biex il-veloċitajiet ikunu aktar bil-mod għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-passiġġieri bil-konsegwenza li l-vjaġġi jieħdu aktar ħin.

Sport