Il-President Iranjan Ebrahim Raisi qal li l-mewt ta’ Masha Amini – li mietet fil-kustodja tal-pulizija – ġabet diqa fil-pajjiż kollu, iżda wissa lill-poplu li “l-kaos” mhux se jkun aċċettat u dan hekk kif il-protesti madwar il-pajjiż komplew għaddejjin.
Il-mewt ta’ Amini ġimagħtejn ilu wasslet għal dimostrazzjonijiet antigovernattivi madwar l-Iran kollu, fejn il-poplu qiegħed isejjaħ għat-tmiem tal-establishment reliġjuż Iżlamiku wara iktar minn erba’ deċennji fil-poter.
Meta kien qiegħed jiġi intervistat fuq l-istazzjon televiżiv tal-istat, Raisi qal li, “aħna kollha mdejqin bl-inċident traġiku… [iżda] il-kaos mhux se jkun aċċettat.” Huwa tenna li li l-prijorità tal-gvern hija s-sigurtà tal-poplu u b’hekk mhux se jkun permess li wieħed ixekkel il-paċi tas-soċjetà bi rvellijiet.
Kien irrapportat li matul dawn id-dimostrazzjonijiet kien hemm għadd ta’ persuni li tilfu ħajjithom kawża tal-azzjoni b’saħħitha li ħadu l-forzi tal-ordni fejn f’ċertu każi allegatament intużaw anke armi tan-nar. Iżda minkejja dan, il-poplu xorta kienx intimidat u baqa’ jipprotesta. Amini tilfet ħajjitha wara li kienet ġiet arrestata mill-pulizija tal-moralità minħabba li ma kinitx liebsa l-ħiġab. Hi kien għad kellha biss 22 sena.