Tuesday, April 30, 2024

“Dejjem għandek tħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv … imraħ għal iktar opportunitajiet”

Roxanne Debono

Aqra wkoll

Hekk kif ftit tal-ġranet ilu sar konkors ieħor ta’ sbuħija suċċess minn Gaffiero Productions fejn riedu jingħataw it-titli ta’ Mrs Malta 2022 / Mr Malta 2022 u Miss Top Model of the Mediterranean, se nkomplu bis-sensiela tagħna ta’ intervisti mal-kontestanti li ħadu sehem f’dan l-avveniment.

Talk.mt iltaqa’ ma’ Roxanne Debono li fil-kategorija Miss Top Model of the Mediterranean spiċċat fit-tieni post flimkien ma’ Shania Mallia bir-rebbieħa tkun Rachel Portelli.

Roxanne kienet qed tirrapreżenta l-lokalitá tax-Xemxija. Hi taħdem bħala Contracting Manager filwaqt li hi wkoll Promotional Model u Brand Ambassador filwaqt li għamlet xi żmien taħdem ukoll Dubai fil-qasam tal-lukandi.

Sadanittant fl-aħħar xow organizzat minn Ivan Gaffiero hi rebħet l-unur ta’ Best Personality 2022 kif ukoll Best Model Character 2022.

Ilha tipprattika l-immudellar meta kellha biss sitt snin u bdiet proprju ma’ Gaffiero Production bl-organizzatur Ivan Gaffiero li litteralment ra tikber. Hi kellha wkoll esperjenzi ma’ Louie Noir għalkemm f’xi mument fil-karriera tagħha meta kibret kellha tieqaf minħabba li marret taħdem f’Dubai. 

Madankollu hi rritornat minn Dubai fis-sena 2019 fejn rebħet xi titli fosthom Miss Winter Elegance 2021, Best Personality 2021, filwaqt li spiċċat mal-aqwa 10 ta’ Miss Supranational 2022.

Roxanne Debono kellha kliem ta’ tifħir għall-organizzazzjoni ta’ Ivan Gaffiero fl-aħħar avveniment li għamel fi Pjazza Teatru Rjal.

“Ivan għandu esperjenza kbira f’dawn il-festivals tal-moda u għalhekk ninżagħlu l-kappell hawnhekk għax verament jagħmel kollox b’mod professjonali u bi ħsieb. Jien kont kuntenta li għal darb’oħra ħadt sehem f’wieħed mill-avvenimenti tiegħu. Hu bniedem li jaħseb f’kulħadd u jorganizza kategoriji differenti sabiex jagħti ċans lil kull min jixtieq jidħol.”

U x’taħseb dwar l-aħħar parteċipazzjoni tagħha fl-aħħar festival fejn spiċċaw second runner-up?

“Ħadt pjaċir ħafna nipparteċipa f’dan il-festival. L-ewwelnett nifraħ lil Rachel Portelli li rebħet dan ix-xow tal-moda. Kienet esperjenza mill-isbaħ fejn iltqajt ma’ ħafna nies ta’ etajiet differenti u ninsab sodisfatta ħafna li kont parti minn dan l-avveniment.”

Roxanne Debono titkellem dwar il-vjaġġ li mudell jew mudella ikollu jew ikollha meta tkun se tipparteċipa. Hi ssejjaħlu bħala wieħed affaxxinanti u li hu sabiħ daqs il-wirja nnifisha dakinhar stess. Ikollok ħafna sessjonijiet ta’ fotografija, ħafna provi ta’ make-up u xagħar u ħafna iktar. 

Minkejja kollox, dan hu mument sabiħ għax int qed tasal ftit ftit għall-konkors innifsu. Tistqarr magħna li bħal kull mudella li tieħu sehem, ikollha dawk il-friefet fl-istonku li huma parti mill-esperjenza. Ġaladarba tkun hemm fuq, l-attenzjoni ddur fuq il-wirja tiegħek fejn tagħti l-aħjar tagħha.

Roxanne titkellem dwar ix-xena tal-immudellar f’pajjiżna. Kemm hu popolari dan is-settur u x’inhuma l-ħsibijiet tagħha?

“Naħseb li f’dan il-lat hemm bżonn intejbu aktar opportunitajiet. 

Fuq kollox, il-problema tibqa’ dejjem l-isponsors fejn mudella normalment ikollha tħallas għal ħafna affarijiet sabiex tasal għas-serata finali. Kif għedt aktar qabel, hawn organizzaturi verament kapaċi, iżda dawn ukoll għandhom bżonn l-għajnuna għax l-ispejjeż huma kbar.”

Debono tistqarr li l-immudellar jgħinha ħafna biex tkabbar il-personalita’ tagħha speċjalment fuq il-lant tax-xogħol fejn hi tiltaqa’ ma’ ħafna persuni fir-rwol tagħha bħala Contracting Manager. 

Hi tgħid li fid-diskors u l-attitudni tagħha hi trid tkun konvinċenti jekk verament trid tirnexxi f’dak li tagħmel. Indirettament l-immudellar qed jgħinna ħafna sabiex tħossha aktar kunfidenti, xi ħaġa li hi verament importanti fir-rwol tagħha.

Iżda kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol proprju tagħha kif ukoll mal-immudellar?

“Jien għandi vantaġġ li ħafna drabi naħdem mid-dar u għalhekk il-ħinijiet huma ferm flessibbli. Dan il-fatt jgħinni sabiex norganizza ħini aħjar filwaqt li nkun nista’ nlaħħaq mal-immudellar li jirrikjedi l-ħin tiegħu.”

Roxanne Debono tgħid ukoll li hu importanti li mudella tkun sabiħa mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa. Minkejja li d-dehra hi l-ewwel ħaġa li tolqtok, il-personalita’ hi ferm importanti għall-mudell jew mudella. Fuq kollox, mudella ma tridx tkun stramba jew supperva għax dan il-fatt ma jiġix apprezzat mill-ġurija meta tqis li llum hawn ħafna kompetizzjoni.

Hi tgħid li minkejja li jkunu kompetituri fuq il-catwalk, minn barra t-tfajliet li jipparteċipaw huma kollha ħbieb. L-esperjenza li toħroġ magħhom u taqsam xi esperjenzi flimkien hi xi ħaġa ferm sabiħa li hi preludju għas-serata finali. Minkejja l-kompetizzjoni u r-riżuktat finali fost il-mudelli, kulħadd jieħu pjaċir flimkien u jawgura lil xulxin.

Iżda x’se jkun il-futur ta’ Roxanne Debono?

“Għalissa nixtieq nieqaf ftit mill-kompetizzjonijiet tal-moda sabiex nikkonċentra ftit fuq xogħli u l-karriera tiegħi hekk kif irrid inkompli niżviluppa filwaqt li jekk ikolli xi opportunitajiet kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta fosthom fashion shows, lesta li noħodhom. Il-bqija kulħadd ikollu bżonn dik il-waqfa wara xi ħaġa kbira li tkun għaddejt minnha sabiex eventwalment tipprepara għal xi ħaġa oħra li tkun ġejja fil-futur.”

Finalment tlabna lil Roxanne Debono sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar.

“Dejjem għandek tħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv. Oħroġ minn dak li bl-Ingliż ngħidulu comfort zone u imraħ għal iktar opportunitajiet.”

Sport