Friday, November 15, 2024

Il-mewt ta’ Yevgeny Prigozhin

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Wara li madwar xahrejn ilu, il-grupp tal-merċenarji Russi bl-isem ta’ Wagner kien seraq ix-xena tal-aħbarijiet barranin, meta mmexxi minn Yevgeny Prigozhin, kien sfida lill-President Russu Vladimir Putin u avvanza lejn il-kapitali Moska bħala sinjal ta’ nuqqas ta’ ftehim rigward l-andament tal-gwerra ġewwa l-Ukrajna, il-ġimgħa l-oħra, l-istess mexxej tal-Wagner spiċċa tilef ħajtu f’inċident tal-ajru fit-tramuntana ta’ Moska. Wara dak li kien ġara’ appuntu xahrejn ilu, din il-mewt qiegħda titqies bħala suspettuża ħafna wara li Prigozhin kemm-il darba kien gie mgħajjar bħala traditur minn Vladimir Putin.

‘L-inċident’

Wara tletin minuta fl-ajru, l-ajruplan privat Embraer, li fih kellu għaxra minn nies u li wieħed minnhom kien appuntu Prigozhin ikkraxxja qrib żona magħrufa bħala Tver, żona li tinsab fil-periferija ta’ Moska. Fost il-vittmi qiegħed jingħad li kien hemm ukoll Dmitry Utkin, wieħed mill-membri prominenti fil-Wagner u li bħal Prigozhin kien involut fil-ġlied mal-armata Russa ta’ xahrejn ilu.

Il-kawża li biha nqered dan l-ajruplan għadha mhijiex magħrufa, però, xi xhieda li kienu fiż-żona tal-kraxx qalu li semgħu splużjoni, ħaġa li qiegħda żżid is-suspett li dan l-ajruplan seta’ twaqqa’ mill-ajruplani tal-gwerra Russi. Teorija oħra li qiegħda tiġi mbuttata mill-midja leali lejn Putin hija li l-ajruplan ta’ Prigozhin twaqqa’ bi żball mill-istess forzi tal-ajru Russi wara li dawn kienu qegħdin jiddefendu dik iż-żona minn attakk bid-drones tal-Ukrajna, teorija li ġiet irridikolata mill-midja tal-punent minħabba li huwa kważi impossibbli li r-radars Russi setgħu tfixklu ajruplan ċivili ma’ drone minħabba li naturalment, drone huwa ferm iżgħar u ferm anqas veloċi minn ajruplan.

Il-midja Ukrajina qiegħda tgħid li r-raġuni wara l-mewt ta’ Prigozhin ġejja mill-mibegħda kbira lejh li għandhom ħafna nies prominenti Russi. Fost dawn qiegħed jissemma bi prominenza Sergei Shoigu, il-Ministru tad-Difiża ta’ Putin li kien spiċċa ħafna drabi mghħajjar minn Prigozhin permezz ta’ messaggi fuq il-medja socjali. Però, skont l-istess midja Ukrena, operazzjoni ta’ din id-dimensjoni ma setgħetx issir mingħajr l-approvazzjoni tal-President Putin. Fuq l-istess ton, iżda b’mod aktar dirett, il-kap tas-servizzi sigrieti tal-Ukrajna qal li l-FSB, is-servizzi sigrieti Russi, ‘ġew inkarigati sabiex jeliminaw lil Prigozhin. Anke Joe Biden qal tiegħu wara l-incident. Skont il-President Amerikan ‘ fir-Russja ma jsir xejn minn wara dahar Putin’.

Naturalment, f’dan l-istadju bikri fl-‘investigazzjonijiet’ rigward dan il-każ, wieħed jista’ biss jispekula. Però, wieħed ma jistax ma jsemmix il-previżjoni makabra ta’ Bill Burns, id-direttur preżenti tas-CIA, li ftit jiem wara l-isfida li kien għamel Prigozhin lil Putin kien qal li ‘Putin huwa l-aktar bniedem li hawn ġewwa d-dinja li jemmen fit-tpattija u għalhekk tkun eċċezzjoni kbira li Prigozhin jaħrab il-ħaqq ta’ Putin.

Fatt ieħor interessanti rrappurtat mill-midja tal-punent huwa li l-inċident tal-ajruplan tat-23 ta’ Awwissu sar fl-istess ġurnata li fiha saru numru ta’ mossi oħra kontra nies li b’xi mod jew ieħor ħaduha kontra Putin. Fost dawn hemm il-Ġeneral Surovikin li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien il-kap tal-avjazzjoni militari Russa. Qiegħed jiġi rrappurtat li Surovikin bħalissa qiegħed jinzamm arrestat ġewwa daru minħabba li qiegħed jiġi ssuspettat li kien ikkolabora ma’ Prigozhin fil-mixja lejn Moska ta’ xahrejn ilu.

L-effetti tal-mewt ta’ Prigozhin

Skont esperti militari li ġew intervistati minn ġurnali prominenti bbażati fil-punent, il-mewt ta’ Prigozhin ma tantx hija mistennija jkollha effett fuq il-gwerra tal-Ukrajna. Dan minħabba li l-Wagner issa ilhom xhur li twarrbu mill-offensiva tal-ġlied ġewwa l-Ukrajna, eżattament minn mindu ħa t-tmexxija militari ta’ din il-gwerra l-Ġeneral Valery Gerasimov. L-istess jista’ jingħad rigward l-effetti tagħha ġewwa l-Afrika fejn għall-mexxeja Afrikani li kienu talbu l-għajnuna tal-merċenarji Russi fil-gwerer tagħha ma tantx tagħmel differenza jekk dawn il-merċenarji jkunux immexxija minn Prigozhin jew minn mexxej ieħor.

L-akbar effetti mistennija li jinħassu ġewwa r-Russja. Sejjer ikun interessanti kif ir-Russi sejrin jinterpretaw dak li ġara fit-23 ta’ Awwissu. Huwa fatt magħruf li r-Russi jħobbu mexxej aggressiv bħalma huwa Vladimir Putin. Fil-fatt, il-popolarità ta’ Putin fost ir-Russi kienet bdiet mill-mod aggressiv li huwa kien mexxa offensiva oħra kontra r-ribelli Ċeċenji fl-aħħar tas-snin disgħin. Però, anke Prigozhin kien popolari mar-Russi u dan jista’ jagħmel minnu vittma li eventwalment issir simbolu ta’ reżistenza fil-konfront ta’ Putin.

Ekonomija

Sport