“Ma kontx nafu. Imma għalejt għalih”. Dan kien is-sentiment fost għadd ta’ persuni hekk kif ilbieraħ filgħodu qamu jitkellmu dwar it-traġedja ta’ Jan Pace, ir-raġel ta’ 36 sena li nstab bla ħajja f’residenza f’Tal-Pieta, wara diversi jiem infittex. It-traġedja ta’ Jan, misset il-qlub u fetħet diskussjoni dwar kemm hu importanti li min ikun għaddej minn żmien iebes jitkellem u jfittex għajnuna professjonali. Ġie enfasizzat il-messaġġ li “inklużjoni tfisser li nifhmu u nappoġġjaw lill-oħrajn kif inhuma”.
Kien proprju nhar il-Ħadd wara nofsinhar meta it-tfittxijiet għal Jan wasslu biex instab bla ħajja. It-tfittxijiet kienu intensivi u intużaw anke drones. Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia ġie infurmat u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Għadd kbir ta’ kummenti
fuq il-midja soċjali
Waħda minn dawk li kkummentat kienet Pauline Vassallo, li ddikjarat li “fl-età ta’ 36 (daqsi), tliftek ukoll ħabib antik! Imma għaliex dil-ħajja sbejjaħ? Memorji sbieħ jibqgħu f’qalbi għal dejjem! Ġibu rispett lil familtu u lil shabu li kienu qrib ħafna miegħu, u jekk jogħġobkom tistaqsux mistoqsiijiet mhux xierqa! Ftakru li kulħadd taħt sema wieħed”.
F’kumment li kiteb Hermann Bonaci qal li “ma nafekx personalment, imma kont f’moħħi lejl u nhar. Ħassejt il-ħtieġa niġi nfittxek u nigri warajk, imma ma kienx possibbli. Qalbi maqsuma. Min jaf kemm qegħdin ibatu ommok, missierek, u l-familjari tiegħek. Ejjew nieħdu ħsieb xulxin.”
Kumment ieħor kien tad-Claudette Buttieġieġ, li kitbet: “le. Għaliex? Wieħed miż-żgħażagħ tal-“Isfida”!. Maħbub minn ħafna. Telfa kbira”.
Kellu bżonn il-memorja tiegħu tgħinna biex inħarsu lejn
xulxin b’aktar kompassjoni u biex inħaddnu l-inklużjoni
L-eks Kummissarju Ewropew, Helena Dalli f’kumment li għaddiet qalet li “x’telfa traġika. Kellu bżonn il-memorja ta’ Jan Pace tgħinna biex inħarsu lejn xulxin b’aktar kompassjoni u biex inħaddnu l-inklużjoni fil-konkret. Inklużjoni tfisser li nifhmu u nappoġġjaw lill-oħrajn kif inhuma – kemm fil-mod kif iħobbu, kif jidentifikaw, kif jesprimu ruħhom, u kif jagħżlu li jgħixu ħajjithom. Inklużjoni mhijiex sempliċiment li naċċettaw lil ħaddieħor, imma li nirrispettaw u niċċelebraw l-identitajiet uniċi, billi nagħtu spazju fejn kulħadd iħossu sigur, mismugħ, u apprezzat. L-inklużjoni tfisser il-libertà li tkun inti stess mingħajr biża’ ta’ rifjut jew diskriminazzjoni. Dan kollu jisfidana biex niddubitaw il-preġudizzji tagħna, nisimgħu l-istejjer ta’ ħaddieħor, u naħdmu għal dinja fejn id-differenzi jitqiesu bħala s-saħħa tal-komunitajiet tagħna.
Il-ħajja ta’ Jan, għalkemm qasira, tfakkarna li l-umanità tagħna tiddependi fuq il-mod kif nittrattaw lil xulxin – b’empatija, b’rispett, u b’impenn li nkissru l-preġudizzji li jifirduna.”
Il-mewt tiegħu tfakkarna kemm
hawn min qed ibati fis-skiet
Id-Deputat Nazzjonalista, Adrian Delia stqarr li “ma kontx naf lil Jan Pace, imma l-istorja tiegħu laħqet lil qlub ta’ ħafna. Meta Crisis Resolution Malta għamlet l-appell, pajjiż sħiħ ittama. Il-mewt tiegħu tfakkarna kemm hawn min qed ibati fis-skiet. Jeħtieġ inkunu aktar preżenti, nitkellmu aktar, u nibnu aktar appoġġ għal dawk ta’ madwarna.”
Minn naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista, Alex Borg qal li “bħalkom, qiegħed inħoss għafsa ta’ qalb dwar Jan. Ningħaqad ma’ ħafna oħrajn biex ngħaddi l-kondoljanzi lil għeżież tiegħu kif ukoll nagħmel appell biex nieħdu ħsieb xulxin, bi kliemna u b’għemilna. Is-saħħa mentali ma tħares f’wiċċ ħadd.”
Għad għandna ħafna nies li qed jiġġieldu
din il-battalja fis-solitudni
Lydia Abela, iddikjarat li “ċertu ġranet iġorru toqol akbar minn oħrajn u jfakkruna f’kemm is-saħħa mentali ma tiddiskriminax u taffettwana lkoll kemm aħna. Għad għandna ħafna nies li qed jiġġieldu din il-battalja fis-solitudni, fl-iskiet ta’ kamrithom u mingħajr tama li l-piż li jġorru jista’ xi darba jintrefa’ minn fuqhom. Jien u Robert ningħaqdu ma’ ħafna messaġġi b’dedika għall-ħajja ta’ Jan Pace u nagħtu kondoljanzi sinċiera lill-għeżież tiegħu. Nappellaw biex bħala individwi nuru dejjem aktar kompassjoni u nisimgħu iżjed lil dawk ta’ madwarna, filwaqt li bħala soċjetà nibqgħu niġġieldu dan it-tabù. Ejja nisimgħu aktar, nifhmu iżjed u nkunu hemm għal kulħadd – speċjalment għal min ma jafx juri.
Dawk kollha li għaddejjin minn mumenti mhux daqstant faċli u qegħdin jesperjenzaw emozzjonijiet diffiċli għandhom iċemplu lil Crisis Resolution Malta fuq in-numru 99339966. Huma għandhom tim kwalifikat u professjonali 24 siegħa kuljum lest sabiex jassisti lil min jinsab f’diffikultà.