Il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un irringrazzja lill-President uxxenti tal-Korea t’Isfel talli għamel ħiltu biex jipprova jtejjeb ir-relazzjonjiet bejn dawn iż-żewġ pajjiżi rivali. Dan kien ġest rari ħafna min-naħa tal-mexxej Kim Jong Un, iżda analisti qalu li wisq probabbli mhu se jbiddel xejn mir-rivalità u t-tensjoni li teżisti bejn iż-żewġ Korej.
Il-ġest minn Kim lejn il-President Moon Jae-in sar permezz ta’ ittra li tal-ewwel bagħat lil Moon hekk kif tliet ġimgħat oħra dan tal-aħħar se jħalli l-kariga. Post Moon se jittieħed minn Yoon Suk-yeol – politiku konservattiv li diġà ta indikazzjoni li se jmexxi politika iktar b’saħħitha fil-konfront ta’ Pyongyang.
Għadd ta’ analisti li tkellmu dwar dan l-aħħar żvilupp qalu li l-messaġġ min-naħa tal-Korea ta’ Fuq jindika xi forma ta’ titjib fir-relazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ pajjiżi iżda wissew ukoll li dan jista’ jkun li sar bi ħsieb biex ipittru lis-suċċessur ta’ Moon bħala dak responsabbli jekk ikun hemm iktar deterjorazzjoni fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

