Sunday, October 27, 2024

“Il-mibegħda qatt mhi se tirbaħ”… il-plejer Josh Cavallo fil-mira ta’ abbuż omofobiku

Aqra wkoll

Josh Cavallo – l-uniku plejer tal-futbol maskili tal-ogħla livell li ħareġ apertament li huwa omosesswali – jgħid li m’għandu ‘l-ebda kliem’ biex jiddeskrivi d-diżappunt tiegħu li kien fil-mira ta’ abbuż omofobiku waqt partita kontra Melbourne Victory is-Sibt filgħaxija.

Il-midfielder ta’ Adelaide United kien imfaħħar ħafna mid-dinja tal-futbol f’Ottubru li għadda meta sar l-ewwel plejer professjonali li ħareġ bħala ‘gay’ matul il-karriera tiegħu ta’ plejer.

Madankollu, jidher ċar li mhux il-partijiet kollha tas-soċjetà huma lesti li jgħixu fis-seklu 21, hekk kif Cavallo kien suġġett għal abbuż omofobiku wara li daħal bħala sostitut fil-konfront ta’ Adelaide kontra Melbourne Victory nhar is-Sibt filgħaxija.

Fuq Twitter huwa wera d-diżappunt tiegħu fejn  qal li kellu ‘l-ebda kliem’ biex jiddeskrivi r-rabja tiegħu għas-sitwazzjoni.

“Mhux ser nippretendi li ma rajtx jew ma smajtx l-abbuż omofobiku fl-imsemmija logħba,” kiteb Cavallo.

“M’hemmx kliem biex ngħidlek kemm kont diżappuntat. Bħala soċjetà dan juri li għadna niffaċċjaw dawn il-problemi fl-2022.

“Dan m’għandux ikun aċċettabbli u rridu nagħmlu aktar biex inżommu lil dawn in-nies responsabbli. Il-mibegħda qatt mhi se tirbaħ. Qatt ma jien se niskuża ruħi talli għedt il-verità tiegħi u min jien barra mill-futbol.

“Liż-żgħażagħ kollha li rċevew abbuż omofobiku, żommu raskom mgħollija u ibqgħu iġru wara l-ħolm tagħkom. Kunu afu li m’hemm l-ebda post fil-logħba għal dan. Il-futbol huwa post għal kulħadd irrispettivament minn min int, x’kulur hi l-ġilda tiegħek jew minn fejn ġej.

“Kont naf li tassew li kont se niltaqa’ ma’ dan kollu. Din hija r-realtà u nħossni diżappuntat li dawn il-pjattaformi  (media soċjali mhux qed jagħmlu biżżejjed biex iwaqqfu dawn il-messaġġi.

“Min-naħa l-oħra …. grazzi għall-messaġġi pożittivi kollha, l-imħabba u l-appoġġ, li dawn kollha jegħlbu n-negattivitá. 

Lill-individwi li urewni appoġġ … ngħidilhom grazzi … għax l-imħabba dejjem tirbaħ.”

Sport