Il-MICAS, l-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta, għal darb’oħra ġie rikonoxxut għall-kwalità u l-ambizzjoni tal-intervent kontemporanju tiegħu u għall-mod kif sawwar l-ambjent mibni fil-Furjana.
Il-MICAS rebaħ il-Premju tal-President tal-Premju Emanuele Luigi Galizia, l-ogħla unur fil-qasam, li jirrikonoxxi l-eċċellenza fl-innovazzjoni tad-disinn, ir-responsabbiltà ambjentali, l-inklużività soċjali, u s-sinifikat kulturali.
Il-MICAS rebaħ ukoll il-premju għall-Użu Adattiv, li jonora proġetti li jittrasformaw bini storiku b’attenzjoni u ċarezza, fejn il-konservazzjoni u s-sostenibbiltà mhumiex sfond iżda proċess ta’ disinn attiv.
“Proġetti bħal dawn juru l-użu mill-ġdid tal-istruttura oriġinali b’ġenerazzjoni limitata tal-iskart, sensittività għal-lingwa arkitettonika tal-istruttura oriġinali, u integrazzjoni sinifikanti ta’ użi, sistemi u materjali ġodda,” qalet il-ġurija tal-Premju Galizia.
Il-MICAS ġie nnominat ukoll finalist għall-Premju għall-Proġetti Pubbliċi, li jiċċelebra ċ-ċarezza ċivika, l-integrità tad-disinn, u l-kontribut għall-esperjenza kollettiva.
Il-Premju Galizia huwa l-premju nazzjonali tal-periti li jirrikonoxxi l-eċċellenza, it-tmexxija u l-impatt fl-ambjent mibni kollu.
Iċ-chairperson eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat qalet li dan l-aħħar suċċess tal-mużew tal-arti kontemporanja, jsegwi sensiela ta’ premjijiet miġbura s-sena l-oħra.
“Għall-biċċa l-kbira tal-istorja tagħha, din il-medda tal-Linji tal-Furjana, magħrufa bħala l-Ospizio, kienet ingħalqet – spazju militari mibni biex iżomm lin-nies barra. Il-MICAS biddlu f’post li jistieden lin-nies fih,” qalet.
“Il-fortifikazzjonijiet mhumiex biss sfond iżda huma d-dar li fiha s-saqaf tal-azzar u tal-ħġieġ tagħna jiġbor fih dan il-mużew nazzjonali ġdid tal-arti kontemporanja. Il-ħitan antiki huma l-ħitan tal-galleriji tagħna. It-terrazzi tal-fosos tar-Ritirata huma s-sulari tal-wirjiet tagħna. Anke t-tiġrif mit-Tieni Gwerra Dinjija hija parti mill-istorja tal-bini,” qalet Muscat.
Muscat iddedikat l-premju lill-persuni li r-riċerka u l-paċenzja tagħhom iġġeneraw ir-riżultat finali għall-MICAS: id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, li mexxa l-proġett u l-konservazzjoni tiegħu; Ipostudio u AEI Progetti f’Firenze; EMDP; b.NEL; LightCompany; u Formafantasma.
“U fl-aħħar, dan il-premju huwa ddedikat lill-pubbliku, li issa jikkondividi dan il-post magħna,” żiedet tgħid.
