Friday, December 13, 2024

IL-MIJA LI JMISS

Aqra wkoll

Għaddew ftit iżjed mill-ewwel mitt jum ta’ din l-amministrazzjoni. Bla dubju ta’ xejn dawn il-jiem urewna kif dan il-gvern, bħat-tnejn ta’ qablu donnu ser ikun qed iwettaq dak kollu li jwiegħed. 

Kif imwiegħed twettqet ir-riforma fil-liġi tal-IVF, riforma tant bzonnjuża li ser tkompli żżid il-probabilità li ħafna iżjed persuni jistgħu jsiru ġenituri. Bħal kull riforma, il-kontroversja ma naqsitx. Għaldaqstant, imnebbaħ mill-ħsieb li r-riformi se jwasslu għal iżjed ġid, il-gvern wera li ma jibżax minn deċiżjonijiet kontroversjali. Bħalma ġara fi żmien l-introduzzjoni tad-divorzju, iż-żwieg bejn koppji tal-istess sess u libertajiet ċivili oħra, erġajna rajna min jipprova jbeżża’ li din ir-riforma se twassal għal tnawwir fil-valuri tas-soċjetà tagħna. Konvint li kif bl-istess mod ir-riformi tal-passat ma ħassrux il-valuri tas-soċjetà Maltija, ir-riforma tal-liġi tal-IVF mhux talli mhux ser tnawwar dawn il-valuri, talli ser twassal sabiex ikun hawn iżjed tolleranza u kompassjoni lejn ir-realtajiet diffiċli ta’ wħud fostna. 

Nazzarda ngħid li l-kontroversja ma ddumx ma tintnesa, u jkun hemm min din ir-riforma jipprova jagħmilha tiegħu; anke jekk fil-verità qed iġġiblu firda u diżgwid kbir!

Fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura wkoll, irċivejna l-aħbar sabiħa li pajjiżna tneħħa minn fuq il-lista l-griża tal-FATF. Ma hemm l-ebda dubju li dan mhuwiex biss frott ta’ xogħol li sar fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura imma sforz kollettiv li ilu li beda madwar sentejn, saħansitra anke qabel tpoġġejna fuq il-lista l-griża. Tant hu hekk illi Malta kienet waħda mill-iktar pajjiżi li ħarġet malajr minn fuq din il-lista. Ta’ min wieħed ifakkar illi s-settur finanzjarju ta’ pajjiżna jaf il-bidu tiegħu ‘il fuq minn tletin sena ilu, r-riformi li saru kienu ilhom deċennji sħaħ biex iseħħu. 

Għaldaqstant wieħed irid japprezza kif wara dawn is-snin kollha, li tirriforma settur tant b’saħħtu f’inqas minn sentejn huwa rekord pożittiv ieħor. Wieħed jirrikonoxxi kif bħal kull riforma oħra, wħud mill-azzjonijiet li kellna nieħdu ma’ kienux faċli, bħal ngħidu aħna d-due diligence miżjud illi issa qed isir mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Wieħed irid japprezza illi dawn il-proċessi għandhom ikunu n-norma, għax fost kwistjonijiet oħra, kien in-nuqqas ta’ tali proċessi regolatorji li wara kollox wassluna li nispiċċaw grey listed. Wieħed issa jittama illi l-proċess ta’ tisħiħ regolatorju jkun proċess kontinwu, anke sabiex is-settur finanzjarju ta’ pajjiżna jibqa’ konformi mal-istandards internazzjonali u għaldaqstant fost l-iktar b’saħħithom. 

Imma kollox ward u żahar s’issa? F’dawn l-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura bdew jinħassu l-effetti tal-gwerra li qed isseħħ fuq l-għatba tal-Ewropa u r-restrizzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea fuq ir-Russja.

L-ikbar tħassib tagħna nbidel minn kif se nikkontrollaw il-pandemija, għal kif se nikkontrollaw l-infiq u l-għoli tal-ħajja. Ħadd ma jista’ jiċħad illi r-rata tal-inflazzjoni li qed nesperjenzaw bħalissa hija ferm ogħla minn dik tal-aħħar snin, bl-isfida kollha li dan iġib miegħu. Mingħajr ma nserrħu rasna li ma jista’ jsir xejn iżjed biex jiġu kkontrollati l-prezzijiet, wieħed irid japprezza l-isforz kbir li qed isir sabiex il-prezzijiet ta’ ħafna servizzi essenzjali bħall-enerġija jibqgħu stabbli. 

Hija ħaġa naturali illi biex il-gvern ikun jista’ jwieżen l-ekonomija kif qed jagħmel bħalissa, prioritajiet oħra jaf ikollhom jistennew. Dan il-gvern tela’ bil-wegħda illi fl-ewwel mitt jum jirriforma l-liġi tal-IVF, u hekk għamel. Dan il-gvern tela’ bil-wegħda li jagħmel minn kollox biex fl-inqas żmien possibli noħorġu mill-lista l-griża, u hekk għamel. Imma dan il-gvern tela’ wkoll bl-għajta li jkun l-iktar wieħed ambjentali fl-istorja.

Dan il-gvern wiegħed illi b’investiment ta €700 miljun iċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula tagħna jsiru iżjed ħodor u pedonali. Forsi wieħed jifhem illi sforz l-isfidi fiskali li l-gvern qed jaffaċċa minħabba l-kriżijiet internazzjonali preżenti, dawn il-proġetti għadhom ma bdewx. Imma biex l-ambjent isir priorità għandu bżonn ħafna iżjed minn proġetti infrastrutturali ħodor. Biex l-ambjent isir verament priorita’ rridu naraw bidla pjuttost radikali fl-istil tal-ħajja u fil-mod kif jopera l-pajjiż. 

Tant hu hekk illi fil-manifest elettorali Malta Flimkien, il-wegħdiet dwar riformi fil-liġi tal-ippjanar u r-regolamentazzjonijiet għas-settur tal-kostruzzjoni huma ċari. Wieħed jifhem illi tali riformi jridu jieħdu l-ħin tagħhom imma sa issa l-bidla fiddirezzjoni għadha ma tidhirx, il-permessi kontroversjali li kienu jinħarġu qabel din il-leġiżlatura għadhom jinħarġu; għax għad ma hemm xejn biex iwaqqafhom għax ir-riformi meħtieġa għad iridu jseħħu. 

Forsi verament il-pożizzjoni fiskali tal-gvern ma tagħmiliex faċli li proġetti ambjentali ambizzjużi jsiru għalissa imma jekk is-sitwazzjoni preżenti ma tippermettix li nreġġgħu lura ftit mill-ħsara li diġa saret, xejn ma jwaqqaf milli nrażżnu malajr kemm jistaż jkun milli ssir iżjed ħsara. Diġà taret 7% ta’ din il-leġiżlatura u għadna ma rajniex dak li bl-ingliż jgħidulha statement of intent; ċioe’ sinjal ċar u definittiv li d-direzzjoni ser tinbidel.

Dak il-gvern huwa proponent tal-bidla u wera iżjed minn darba li r-riformi ma jibżax minnhom u kapaċi jwettaqhom b’suċċess! Wieħed għalhekk jawgura li bl-istess rieda u konvinzjoni li twettqu riformi tant importanti, fil-mitt jum li jmiss jibdew jitwettqu r-riformi tant meħtieġa biex l-ambjent ta’ madwarna jibda jieħu r-ruħ. Ejja nħallu l-esperjenza tar-riformi li kellna nwettqu fis-settur finanzjarju tkun ta’ tagħlima.

Dawn ir-riformi saru fi żmien meta kien tard, forsi żżejjed ukoll; u peress li l-bidliet li saru kienu radikali u fi żmien qasir l-iskumdita kienet tanġibbli. Fl-ambjent qegħdin tard, forsi hawn min jgħid li mhux tard iżżejjed, imma kif ifakkarna kull staġuni sajfi, l-urġenza hija kbira. Jekk se nħallu iżjed biex nibdew indaħħlu r-riformi meħtieġa, jaf verament ikun tard wisq u d-diffikultà ta’ tali riformi tkun ikbar. Jalla l-mitt jum li ġejjin naraw l-ambjent verament isir prijorità!

Minn Brian Scicluna (Viċi Chairperson Fondazzjoni IDEAT)

Ekonomija

Sport