Sunday, December 29, 2024

Il-Milied: It-turija tal-imħabba goffa ta’ Alla

- Patri Mario Attard OFM Cap

Aqra wkoll

Il-Milied ta’ din is-sena mhu ħa ninsieh qatt. Fis-skiet tal-kunvent eżiżtenzjali tiegħi, il-Mulej għallimni ħaġa tassew kbira: kemm il-Milied hu tabilħaqq turija tal-imħabba goffa t’Alla.

Alla tagħna hu goff. Spiss nisimgħu f’dawn il-jiem kemm il-Bambin hu ħelu u jisqraqlek qalbek. Kos hux kif din iċ-ċkejkna tarbija ta’ Betlehem kapaċi tidħol f’qalbek u f’qalbi! Alla li sar bniedem tassew li twieled fostna, ħa n-natura tagħna l-bnedmin, u “għammar fostna”(Ġw 1:14).

Huwa seħħlu jiġbidna lejh bi ħlewwietu, kif, wara kollox, għandha l-ħila tagħmel kull tarbija li tkun għadha kemm rat id-dawl tal-ħajja. U bir-raġun! Għax la daħal fil-kategorija tagħna l-bnedmin bilfors li ried jgħaddi mill-istadji kollha tagħna.

Ma qgħadx kwiet qabel ma kien żgur li hu issa wieħed minna biex ikun jista’ jifhimna. Kos hux, kemm hi veritiera t-taqbila li tani l-Mulej f’dan is-skiet tal-kunvent eżiżtenzjali tiegħi: “Mulej, int sirt wieħed minna biex tassew tkun tista’ tifhimna”.

X’rigal kbir hu dan! Li kieku noqgħodu mhux biss insemmuh imma, u fuq kollox, nifluh! Sar wieħed minna biex jifhimna! U donnu li m’għandux kwiet qabel jifhimna waħda sew.

Għax hekk dejjem ħass li kellu jagħmel mill-eternità: li jsir bħalna, wieħed minna. Ried isejħilna ħutu! Għax aħna minnu ġejjin. Baqa’ jagħrafna anki meta għamilna ta’ rasna u ġbidna fuqna u fuq uliedna kull xorta ta’ ħsara minħabba dnubietna.

Dan l-att tassew kbir tiegħu, jiġifieri li Alla sar wieħed minna, juri l-guffaġni, jew aħjar l-abbundanza tal-imħabba tiegħu lejna u għalina. Qed nuża l-kelma “guffaġni” apposta l-għaliex nixtieq nuri kemm dan Alla hu ġeneruż, anzi, sopra-ġeneruż fi mħabbtu lejna.

Ma jkejjilx bħalma nagħmlu aħna l-bnedmin. Ma jqisx kull naqra li jagħtina u jagħmel storja fuqha, qisu tana d-dinja, bħalma nagħmlu aħna li ħdejh veru lanqas nafu nħobbu. Hu infinit imma aħna, ta’ limitati li aħna, in-naqra li għandna mhux talli nibżgħu għaliha talli nispiċċaw nadurawha. U wara ta li nadurawha nieħdu tafux! Għax tkun hi stess li tkissirna. Intant …

Illum, dan Alla qed jiggoffa. L-ewwel guffaġni tiegħu hi li sar bniedem bħalna. Jgħidilna l-vanġelu skont San Ġwann: “U l-Verb sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14). Sar bniedem fis-skiet, mingħajr ħafna daqq tat-trombi.

Ma kellux l-orkestra tal-art biex iddoqqlu u l-kor li jgħannilu imma kellu l-aqwa orkestra u kor li qatt jista’ ikun hawn fl-univers kollu u għal kemm itulu ż-żminijiet: il-kor tal-anġli fis-sema. Dak l-istess kor li kanta: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu” (Lq 2:14).

It-tieni guffaġni tiegħu hi dik li għamel il-ġid lil kulħadd. Baqa’ jaqdi sal-aħħar. Folol kbar kienu jmorru warajh. Ġieli, daqskemm kien idum jaħdem hu u d-dixxipli tiegħu, lanqas ħin biex jieklu u jistrieħu ma kienu jħallulhom.

Kull darba kien iqatta’ il-lejl fit-talb ma’ Missieru u Missierna, Alla tiegħu u Alla tagħna, biex jibqa’ jaqdi sal-aħħar u mingħajr waqfien. Hekk kien jaf jagħmel għax hekk hu, minnu nnifsu, guffaġni ta’ tjubija li ma titfissirx.

Mhux biss imma anki fil-ħin fejn kien ikun għajjien mill-mixi xorta waħda kien jibqa’ hemm għall-oħrajn. Il-konverżjoni tal-mara Samaritana seħħet meta Ġesù kien “għajjien kif kien mill-mixi”(Ġw 4:6). Anki jekk għajjien Ġesù xorta waħda baqa’ jingħata għal kulħadd.

Imbagħad, fl-aħħar guffaġni tal-guffaġniet tiegħu, kienet li ħafer lil min sallbu. Minn liema tortura għaddewh, ibda mill-arrest tiegħu, issokta fil-proċess li taparsi għamlulu u spiċċa bit-turmenti li għadda minnhom bħas-swat, il-kuruna tax-xewk, id-daqqiet bil-ponn, u, fuq kollox, iċ-ċaħdiet ta’ Pietru, it-tradiment ta’ Ġuda u l-ħarba ta’ ħbiebu li ħallewh waħdu. Minn dan u minn ħafna tbatijiet oħra għadda dan Ġesù, li ittieħed bħall-ħaruf għall-qatla u lanqas kelma ma qal. Ma fetaħx fommu. 

U quddiem din il-kefrija kollha ta’ tant nies li abbundawh u warrbuh, Ġesù talab it-talba tat-talbiet fuq is-salib: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). U minkejja daqshekk guffaġni ta’ mħabba, in-nies ta’ madwaru jibqgħu ingrati. Mhux talli ma japprezzawx li qed jagħmel talli aktar jissuktaw iġibu ruħhom ħażin miegħu. Jissokta jgħidilna t-test tal-vanġelu skont San Luqa: “Imbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom. Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: ‘Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!’ Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: ‘Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!’” (Lq 23:34-37).

Din hi t-tarbija ta’ Betlehem li qed niċċelebraw it-tifkira ta’ twelidha f’dawn il-jiem qaddisa. Din hi l-fotokopja tal-Missier li baqgħet tħobb lil kull min fehemha u min le. Lil min mexa warajha u min seħħlu jsallabha u joqtolha.

Malti bħali u bħalek, San Ġorġ Preca, kien iħobb jgħid: “Ejjew inħobbu lil min eċċessivament ħabbna.” Ġesù Kristu ħabbna b’guffaġni liema bħalha. Għalhekk hu mportanti li l-ingratitudni tagħna l-bnedmin titlaqqa’ mal-guffaġni tal-Mulej. Aħna ingrati meta lil dan Alla, li tant iħobbna, noffenduh bid-dnub.

Aħna ingrati meta nagħmlu lilna nfusna allat. Mela ejja immorru niltaqgħu ma’ mħabbtu, li hi l-goffa tal-goffi, fis-sagrament tal-qrar u wara dak tal-quddiesa bit-tqarbina magħha.

Ejjew inħallu li l-imħabba goffa tiegħu tneħħilna l-ħażen ħa nsiru goffi bħalu għax inħobbu bl-imħabba tiegħu fl-imħabba tagħna lejn kulħadd. B’hekk, dal-Milied, ikun wieħed sabiħ għax veritier u mimli mħabba ta’ Kristu Ġesù. Kemm hu veru hux li l-Milied hu t-turija tal-imħabba goffa t’Alla.

Ekonomija

Sport