Friday, November 15, 2024

Il-Ministri tal-Enerġija Ewropej jiddiskutu s-sigurtà tal-provvista u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kawża  tal-Gwerra Russja-Ukrajna

Il-Ministru Miriam Dalli tappella lill-KE biex ma tħalli lill-ebda pajjiż maqtugħ waħdu

Aqra wkoll

Il-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu fi Brussell għal-laqgħa urġenti tal-Kunsill tal-Enerġija, biex jiddiskutu l-gwerra li għaddejja bejn ir-Russja u l-Ukrajna u l-impatt fuq is-settur tal-enerġija.

Il-Ministri ddiskutew il-livell ta’ tħejjija tal-Unjoni Ewropea f’każ ta’ kriżi tal-provvista, il-miżuri ta’ solidarjetà u d-disponibbiltà tal-istrumenti fil-livell tal-Unjoni jekk ikun hemm bżonn.

Miriam Dalli, il-Ministru għall-Enerġija, appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista lil kulħadd. Insistiet li dan għandu jsir b’mod partikolari fil-każ ta’ gżejjer li mhumiex magħquda mal-grid Ewropew. Sostniet li f’każijiet fejn ikun hemm periklu għal provvista tal-elettriku, is-solidarjetà għandha tiskatta għal kulħadd bla distinzjoni.

Il-gwerra li għaddejja bejn ir-Russja u l-Ukrajna qed ikollha impatt dirett fuq il-provvisti u l-prezzijiet tal-enerġija.

Kadri Simson, il-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija, qalet li l-ħażna tal-gass tal-kontinent bħalissa hija ta’ 32%.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif Malta qed tiġi affettwata  mill-prezz wholesale tal-elettriku, li qed jiġi importat mill-Italja. Il-Ministru stqarret li, fid-dawl tas-sitwazzjoni internazzjonali, issa aktar minn qatt qabel, hu importanti li l-istati membri kollha jkunu magħquda mal-grid Ewropew għall-provvisti tal-enerġija tagħhom, inkluż il-gass u eventwalment l-idroġenu.

“Fil-każ ta’ Malta, l-impatti tal-enerġija huma aktar evidenti u ta’ sfida biex jiġu indirizzati minħabba li aħna gżira. It-tfixkil fis-suq tal-enerġija qed jaffettwa l-ispejjeż tal-merkanzija, u b’hekk iwassal għal prezzijiet ogħla u pressjonijiet inflazzjonarji. Il-kwistjoni tkompli tiggrava n-nuqqas ta’ għażla ta’ modi differenti ta’ trasport għan-negozji ta’ Malta, fejn il-materja prima kollha trid tiġi importata,” qalet il-Ministru Dalli.

Malta tappoġġja azzjoni kkordinata f’dawn iċ-ċirkostanzi partikolari. Madankollu, l-istati membri għandhom jingħataw livell ta’ flessibbiltà biex jaġixxu b’mod li jindirizzaw l-aħjar il-ħtiġijiet partikolari tagħhom.

Il-Ministru enfasizzat ukoll l-importanza li jiżdiedu l-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u ħeġġet bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħaddi l-fondi lejn teknoloġija rinnovabbli offshore, partikolarmnet fil-Mediterran, u infrastrutturi li jkunu lesti għall-idroġenu.

Ekonomija

Sport