Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield ħabbar li matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkun qed iżur lokalitajiet madwar Malta u Għawdex sabiex jiltaqa’ mar-residenti u jisma’ direttament it-tħassib u s-suġġerimenti tagħhom dwar is-sigurtà u l-ordni pubblika.
Il-Ministru Bedingfield qal dan waqt ċerimonja fid-Depot tal-Pulizija li matulha ġew maħtura 18-il spettur ġdid u 27 police patrol and community support officers ġodda.
Il-ministru qal li din l-inizjattiva se tkun mibnija fuq djalogu miftuħ mal-komunitajiet. “Se nkun qed immur jien stess fil-lokalitajiet biex niltaqa’ man-nies u nisma’ dak kollu li għandhom xi jgħidu dwar is-sigurtà u l-ordni pubblika. Nemmen li l-aħjar soluzzjonijiet jitwieldu meta nisimgħu lil dawk li jesperjenzaw l-isfidi ta’ kuljum fil-komunitajiet tagħhom,” qal il-ministru.
Huwa spjega li l-għan huwa li tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-komunitajiet u l-awtoritajiet, filwaqt li kull tħassib ikun indirizzat b’serjetà u mingħajr dewmien.
“Se nkomplu naħdmu flimkien mar-residenti, il-kunsilli lokali, il-pulizija tal-komunità u l-entitajiet kollha involuti biex inkomplu nsaħħu s-sens ta’ sigurtà f’kull lokalità u nwasslu riżultati konkreti li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies,” kompla jgħid il-ministru.
Matul iċ-ċerimonja nħatru 18-il spettur ġdid, li minnhom sebgħa ngħaqdu mal-Korp direttament fil-grad ta’ spettur wara li ssodisfaw il-kwalifiki akkademiċi meħtieġa.
Fl-indirizz tiegħu, il-ministru qal li l-grad ta’ spettur iġib miegħu responsabbiltà akbar u rwol ta’ tmexxija li jitlob integrità, għaqal, sens ta’ ġudizzju u kapaċità li jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli. “L-imġieba tagħkom se tirrifletti fuq il-Korp kollu. Is-suċċess tal-Korp jiddependi mhux biss fuq il-liġijiet li jinforza, iżda wkoll fuq il-kwalità tat-tmexxija tiegħu,” sostna l-ministru.
Huwa laqa’ wkoll lis-27 police patrol and community support officers il-ġodda u saħaq li dawn se jkollhom rwol kruċjali biex ikomplu jsaħħu l-preżenza tal-pulizija fil-komunitajiet.
“Il-bon ordni ma jinbeniex biss permezz tal-infurzar tal-liġi, iżda wkoll permezz tal-preżenza, tad-djalogu u tar-relazzjoni ta’ fiduċja man-nies. Intom se tkunu l-wiċċ tal-Korp fil-lokalitajiet tagħna,” qal il-ministru.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, appella lill-Ispetturi l-ġodda biex ikunu mexxejja li jispiraw, jimmotivaw, jisimgħu u jkunu dejjem disponibbli għall-kollegi tagħhom. Huwa saħaq li għandhom imexxu bl-eżempju filwaqt li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom b’serjetà, b’ġustizzja u b’kuraġġ.
Il-Kummissarju enfasizza li l-kuraġġ għandu dejjem jimxi id f’id mal-umiltà u qal li l-Korp illum huwa aktar miftuħ, aktar lest li jisma’ u aktar lest jappoġġja lill-membri tiegħu fl-isfidi li jiltaqgħu magħhom. Huwa ħeġġeġ lill-Ispetturi l-ġodda biex jikkonsultaw, jisimgħu u jitgħallmu minn ta’ madwarhom qabel jieħdu d-deċiżjonijiet, filwaqt li dejjem ipoġġu lin-nies l-ewwel. Fakkarhom biex iżommu quddiem għajnejhom il-vittmi tal-kriminalità, il-familji, in-negozji u l-komunitajiet li jistennew servizz professjonali u empatiku, filwaqt li jagħtu importanza wkoll lill-benesseri tal-kollegi tagħhom.
Il-Kummissarju feraħ ukoll lis-27 police patrol and community support officers il-ġodda u qal li l-introduzzjoni tagħhom tifforma parti minn viżjoni fit-tul biex jinbnew komunitajiet aktar siguri permezz ta’ intelligence-led policing, preżenza aktar viżibbli fil-lokalitajiet u miżuri proattivi li jirrispondu għall-ħtiġijiet tan-nies.
Il-ministru temm billi tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-Korp tal-Pulizija permezz ta’ investiment fl-infrastruttura, fit-teknoloġija, fit-taħriġ u fil-professjonalità tal-uffiċjali, filwaqt li rringrazzja lill-membri kollha tal-Korp u lill-familji tagħhom għad-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji li jagħmlu kuljum fis-servizz tal-poplu Malti u Għawdxi.









