Saturday, December 21, 2024

Il-Ministru Bonnici jappella biex jitwarrab il-partiġġjaniżmu fejn jidħol il-patrimonju kulturali

Isostni li l-Belt Valletta rxuxtat fl-aħħar 10 snin

Aqra wkoll

“Se nagħżel li nwarrab ċertu kummenti li ressqu kelliema tal-Oppożizzjoni bħalma huwa li x-xemx ma telgħetx fl-2013. Ċertament irrid nirrkonoxxi x-xogħol ta’ min ħadem fil-passat, min qiegħed jaħdem fil-preżent u min se jaħdem fil-futur għax wara kollox aħna għasafar tal-passa”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici hekk kif kompliet id-diskussjoni b’rabta mal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-patrimonju kulturali. 

Il-Ministru qal li ċertu kummenti ta’ kelliema tal-Oppożizzjoni juru li dawn ikkonfondew rwieħhom meta ġew biex jitkellmu dwar din l-emenda u għalhekk saħaq li jeħtieġ li jiċċara li b’din l-emenda l-ħsieb huwa li jiġi rtukkjat subartiklu ta’ artiklu li jitratta moviment jew impurtazzjoni ta’ proprjetà kulturali f’Malta.

Huwa qal li l-liġi kif qiegħda fil-preżent tgħid li dan iċ-ċaqliq għandu jkun limitat għal skopijiet ta’ wirja temporanja, donazzjoni temporanja jew bejgħ. Huwa qal li din il-liġi kif inhi ma tilqax għat-talba ta’ nies li jridu jġibu pittura li diġà hija tagħhom u skontu din hija s-sitwazzjoni li l-kelliema tal-Oppożizzjoni forsi ma fehmux biżżejjed.

“Iltqajt ma’ Żvizzeru li jaħdem Malta u għandu xogħol importanti ħafna fis-settur tas-servizzi finanzjarji, imma dan meta ġie Malta ħalla pittura warajh li jixtieq li jġibha Malta mingħajr il-biża’ li l-gvern se jgħidlu li dik l-pittura se jżommha”, kompla biex jgħid il-Ministru.

“Qed ngħidu li, iżda fil-każ ta’ persuni li se jirrisjedu ġewwa Malta, is-sovratendent għandu joħroġ ċertifikat li l-gvern se jirrinunzja fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti għad-dritt ta’ preferenza u għad-dritt li jiġi projbit l-esportazzjoni mill-ġdid sakemm l-oġġetti ma jkunux ta’ importanza nazzjonali għal Malta”, kompla biex jispjega l-Ministru.

Hawnhekk huwa ġab l-eżempju ta’ xi ħadd li japplika biex iġib pittura li nafu li fi żmien il-Franċiżi kienet hawn u tagħmel parti mill-wirt nazzjonali li x’aktarx insterqet minn żmien Napuljun u hawnhekk s-sovratendent se jwissih li jekk din il-pittura tinġieb Malta din għalih hija ta’ importanza nazzjonali u għalhekk jeżerċita d-dritt li l-pittura ma titħallhiex toħroġ ladarba tidħol f’pajjiżna. Rigward każi fejn jinħareġ iċ-ċertifikat, il-Ministru qal li l-individwu se jkollu serħan il-moħħ għal 10 snin li se jkun jista’ jerġa’ joħroġ biha lejn pajjiżu jew jekk f’estremitajiet fejn l-individwu jmut, l-arti tiġi ritornata pajjiżu. 

Il-Ministru qal li hemm bżonn li t-talba ssir bil-miktub qabel il-moviment jew l-importazzjoni, l-oġġetti għandhom jiġu eżaminati u reġistrati mis-sovratendent fil-punt tad-dħul u fl-aħħar nett l-oġġetti kulturali msemmija għandhom ikunu akkumpanjati b’evidenza ta’ provenjenza biex oġġett ta’ patrimonju kulturali li jinġieb f’pajjiżna għandu jkollu ċertifikat ta’ garanzija.

Huwa qal li kulħadd għandu dritt jagħmel l-argument li jeħtieġ li nikkjarifikaw iktar, iżda bħala Ministru responsabbli huwa qal li filwaqt li jikkunsidra kull punti mressqa mill-Oppożizzjoni, jħoss li kif inhi miktuba l-liġi tagħti kjarezza u korrettezza.

Rigward ix-xogħol li sar fil-Belt Valletta, il-Ministru Owen Bonnici qal li ma jistax jaqbel mad-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott li kien il-Partit Nazzjonalista li nvesta fiha, għax il-fatti juru li fl-aħħar 10 snin din irxutat. Fakkar kif fl-arkivju nazzjonali hemm ritratti li juru kif minn post li minnu ħareġ wirt storiku kbir, mal-ewwel xita kien jidħol l-ilma. 

Rigward l-estensjoni tal-Konkatidral, il-Ministru qal li fiż-żmien li ġej, kulħadd se jkun jista’ japprezza dan il-proġett tal-gvern u l-knisja li ħadu d-deċiżjoni għaqlija li bis-saħħa ta’ spazju ġdid li se jinħoloq, se jkun hemm xogħlijiet ta’ valur patrimonjali li se jkunu jistgħu jiġu esebiti. 

“Nemmen li dan huwa abbozz ġust li se jgħin biex tinħoloq ġustizzja ma’ nies li dejjem xtaqu li jkunu jistgħu jġibu oġġetti kulturali f’pajjiżna”, temm jgħid Bonnici.

Ekonomija

Sport