Friday, November 15, 2024

Il-Ministru Bonnici jżur il-provi tal-festival MUŻIKA MUŻIKA

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ltaqa’ mal-mużiċisti, kantanti u l-organizzaturi tal-Festival ta’ Kanzunetta Maltija Mużika Mużika, waqt iż-żjara tiegħu fl-MFCC, Ta’ Qali. L-edizzjoni ta’ din is-sena, li hi t-tieni waħda, se tittella’ fuq tliet serati bejn il-21 ta’ April u t-23 ta’ April fl-MFCC, Ta’ Qali.

Waqt iż-żjara, Dr Bonnici faħħar it-tim organizzattiv għax-xogħol tajjeb li sar bi preparazzjoni għal dan il-festival. “Irridu nkomplu ninvestu f’dan il-festival li jservi wkoll bħala pjattaforma fejn l-artisti jesponu t-talenti tagħhom bil-Malti,” qal il-Ministru Bonnici.

Huwa kompla jgħid li, “Dan il-festival jiċċelebra l-ġmiel tal-kanzunetta Maltija. Se nkomplu naħdmu biex dan il-festival ikompli jkun ta’ suċċess sena wara sena u jibqa’ jkun appuntament annwali. Irridu niżguraw li aktar kantanti Maltin ikollhom opportunitajiet biex ikomplu jibnu l-karrieri mużikali tagħhom b’mod professjonali u bl-ogħla livell, kif nistgħu naraw f’dan il-festival.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala qalet li, “Bħalissa għaddejjin bil-provi u bl-aħħar preparamenti qabel x-xogħol kollu jilħaq il-qofol tiegħu nhar il-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt. Żgur li se jkunu tlett iljieli indimentikabbli li huma prova ċara tal-livell għoli tat-talent li għandna f’Malta. Jiena kburija li Festivals Malta, flimkien mal-kuntratturi u l-bord ta’ Mużika Mużika kollha, għal darb’oħra rnexxielu joħloq produzzjoni tal-ogħla livell.”

Din is-sena l-festival iġġenera interess kbir fost l-artisti lokali, b’170 sottomissjoni, li minnhom intgħażlu 20 kanzunetta tal-ogħla livell, b’ġeneri differenti ta’ mużika u diversi kantanti kemm veterani kif ukoll oħrajn li għadhom ġodda fix-xena mużikali. Ma’ dawn l-20 kanzunetta u gruppi semifinalisti, ingħaqdet wkoll ir-rebbieħa tal-programm ta’ taħriġ mużikali – Mużika Mużika – Il-Vjaġġ Ikompli, Haley Azzopardi.

Il-preparamenti għat-tliet serati għaddejjin ġmielhom. Bħalissa għaddejjin il-provi tal-kanzunetti fuq il-palk li nbena apposta għal din l-edizzjoni. Apparti minn hekk, qed isiru wkoll diversi preparamenti tekniċi bħal soundchecks u provi tad-dawl.

Ekonomija

Sport