Sala ġdida fiċ-Ċentru Mediku Malti f’Kumasi ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg. Huwa kellu l-opportunità li jżur dan iċ-Ċentru magħruf bħala HopeXchange.
Il-Ministru Borg sostna li għal dawn l-aħħar snin iċ-ċentru ipprovda għajnuna kbira lil bosta fil-Ghana. Il-pandemija tal-Covid-19 kien żmien diffiċli, iżda minkejja l-isfidi kollha dan iċ-ċentru rnexxielu jaħdem bir-riżorsi kollha meħtieġa sabiex jiġġieled mal-mard. Hu rringrazzja lit-tobba, l-infermiera u lil professjonisti tal-impenn tagħhom.
“Nemmnu tassew fl-importanza li nilħqu l-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli hekk kif stabbiliti min-Nazzjonijiet Magħquda u nemmnu wkoll li għandna nkomplu nippromwovu aċċess għal servizz tas-saħħa ta’ kwalità u trattament ta’ kwalità sabiex ikun hemm progress soċjo-ekonomiku fil-Ghana,” kompla jgħid il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg.
Fl-istess żjara ġie ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni li jiżgura l-kooperazzjoni mill-Gvern Malti lejn iċ-ċentru mediku u lejn il-professjonisti kollha li jaħdmu qatigħ mal-pazjent.