Minn MELVIN FARRUGIA
Il-Ministru Evarist Bartolo dalgħodu semma realtà li qiegħda tiġri spiss f’pajjiżna, minkejja li l-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa ħarġu direttiva biex kulħadd jilbes il-maskra protettiva.
Fil-fatt, f’post fuq il-midja soċjali, Bartolo qal li kemm fl-ispiżeriji, kemm fuq il-bastiment tal-Gozo Channel, kemm fil-quddiesa u anke għand tal-ħwienet qed ikun hemm min ma jilbishiex.
Barra hekk, semma kif qed ikun hemm ċerta postijiet fejn in-nies għadhom qegħdin jinġabru f’folol u dan minkejja d-direttivi li ngħataw.
Għalhekk, il-Ministru jgħid li min ma jobdix u jkun irresponsabbli għandu jiġi mmultat kif suppost. Jgħid li għandu jsir inforzar bis-serjetà għax wara kollox dan hu fl-aqwa interess ta’ kulħadd.
Jispjega li jekk mhux se jirnexxielna nrażżnu l-COVID-19 fostna, allura se nkunu qegħdin nheddu bil-kbir il-ħajja u l-għajxien tagħna. Fost l-oħrajn semma kif biex it-turisti jiġu fostna, dawn iridu jkunu f’pożizzjoni ċerta li m’hawnx periklu. Għalhekk jgħid li meta wieħed jikkonsidra li t-turiżmu joħloq kważi terz tal-għajxien tagħna, hu importanti li nieħdu l-miżuri u nagħmlu l-inforzar biex fl-aħħar mill-aħħar nibżgħu għall-għajxien tagħna.