Monday, April 29, 2024

Ir-Russja diġà rċeviet talba għal biljun doża minn pajjiżi barranin

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta li għaddiet, il-President Russu Vladimir Putin ħabbar li r-Russja saret l-ewwel pajjiż li approva vaċċin għal kontra l-Covid-19, mossa li Moska qabblitha mas-suċċess li dan il-pajjiż kellu fit-tellieqa lejn l-ispazju fi żmien il-Gwerra Bierda.

Il-vaċċin ingħata l-isem ta’ Sputnik V li huwa omaġġ lejn l-ewwel satellita li l-Unjoni Sovjetika kien irnexxielha ttella’ fl-ispazju. Dan is-suċċess tar-Russja ntlaħaq wara inqas minn xahrejn ta’ testijiet fuq il-bnedmin u min-naħa tagħhom l-awtoritajiet Russi ma taw l-ebda kumment dwar l-aħħar testijiet li qed isiru fuqu. 

Id-deċiżjoni tar-Russja li tappova l-vaċċin nisslet tħassib fost għadd ta’ esperti. Skont informazzjoni ppubblikata, jidher li dan il-vaċċin kellu biss 10% suċċess fuq l-ittestjar kliniku li sar u għalhekk għadd ta’ esperti qed isostnu li r-Russja qiegħda tpoġġi l-preġju nazzjonali qabel is-sigurtà. 

Min-naħa tiegħu Putin qal li dan il-vaċċin huwa kompletament sigur tant li anke waħda mit-tfal tiegħu ngħatat il-vaċċin u tinsab tajba. Il-kumpanija Russa Sistema qalet li hija qiegħda tikkalkula li dan il-vaċċin jibda jiġi prodott bil-massa lejn l-aħħar ta’ din is-sena. L-uffiċjali tal-Gvern qalu li l-vaċċin l-ewwel se jkun qiegħed jingħata lill-ħaddiema mediċi u mbagħad lill-għalliema. Dan se jsir fuq bażi volontarja u l-programm se jibda fl-aħħar ta’ dan ix-xahar jew bidu ta’ Settembru. Huma tennew li l-vaċċin ikun disponibbli għall-pubbliku kollu fil-bidu ta’ Ottubru.

Dan il-vaċċin, li jiġi am-ministrat f’żewġ dożi, huwa bbażat fuq mudell użat qabel mix-xjentisti Russi li fuqu ġew żviluppati għadd ta’ vaċċini oħrajn fosthom dak tal-Ebola. L-awtoritajiet tal-pajjiż qalu li huma jittamaw li dan il-vaċċin jgħin lill-ekonomija Russa terġa’ tqum fuq saqajha. 

Uffiċjali qalu li r-Russja diġà rċeviet talba għal biljun doża minn pajjiżi barranin. Dawn l-uffiċjali tennew li l- vaċċin se jkun qiegħed jiġi żviluppat ukoll fil-Brażil. Huma żiedu jgħidu li testijiet kliniċi se jkunu qegħdin jibdew ukoll fl-Emirati Għarab Magħquda, u l-Filippini bil-President Rodrigo Duterte jgħid li huwa lest li jipparteċipa personalment f’dan il-programm. 

Sport