Thursday, April 18, 2024

AĠĠORNATA: Il-GWU tissospendi l-azzjoni industrijali fl-AAS

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aġġornata: Wara intervent tal-Ministru, Il-GWU ssospendiet b’effett immedjat l-azzjoni industrijali fl-AAS hekk kif għada mistennija tiltaqa’ mal-management tal-Air Malta fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi żgħar Silvio Schembri.

Qabel: Il-GWU bdiet azzjoni industrijali fl-Airmalta wara li l-kumpanija irrifjutat li tiltaqa’ magħha biex tiddiskuti t-tibdil fir-roster għall-ħaddiema fl-Airmalta Aviation Services (AAS) Limited.

Il-ħaddiema f’din il-kumpanija, li jammontaw għal madwar 400 u jipprovdu servizz lill-ajruplani, inbidlilhom ir-roster mingħajr ma huma u l-unjin kienu konsultati jew intlaħaq qbil bejniethom.

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet il-GWU u l-Airmalta ltaqgħu bl-unjin tat ċans sat-tnejn biex il-linja tal-ajru tagħti risposta għat-talbiet tagħha madankollu dan ma sarx.

Kien għalhekk li t-Tnejn ħarġet avviż ta’ tilwima industrijali bir-reazzjoni tal-Airmalta tkun li ssejjaħ laqgħa għall-Erbgħa imma meta rappreżentanti tal-GWU u tal-ħaddiema marru għal-laqgħa din xorta ma saritx.

Għal din il-laqgħa l-GWU kienet rappreżentata mid-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri u s-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni Sandro Vella li kienu akkumpanjati mill-kumitat tal-ħaddiema.

Dan l-aġir wassal biex il-GWU iddeċidiet li mill-Erbgħa filgħaxija ssejjaħ għal azzjoni industrijali fi ħdan il-linja tal-ajru biex tħares l-interessi tal-membri tagħha fl-AAS.

Ekonomija

Sport