Tuesday, November 26, 2024

Il-Ministru Farrugia Portelli f’taħditiet ma’ uffiċjali u esperti prinċipali fil-kamp internazzjonali dwar id-diżabilità

Aqra wkoll

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli pparteċipat bħala kelliema fuq panel waqt il-Laqgħa ta’ Livell Għoli dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, organizzata mill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-ministru ġiet mistiedna mill-Presidenza Spanjola biex tindirizza s-sessjoni li ddiskutiet id-dritt għall-mobilità u l-moviment liberu madwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fid-dawl tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tadotta leġiżlazzjoni li tifformalizza l-iskema tal-European Disability Card.

Id-diskors tal-Ministru Farrugia Portelli ntlaqa’ tajjeb, mhux biss minn kollegi minn Stati Membri oħra tal-UE, iżda wkoll minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, prinċipalment mill-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità.

Il-ministru rreferiet għall-vjaġġ ta’ Malta fir-rigward ta’ din l-iskema, fejn pajjiżna kienet wieħed minn tmien pajjiżi tal-proġett pilota inizjali fl-2016, imbagħad l-ewwel pajjiż tal-UE li elimina gradwalment id-dokument nazzjonali tad-diżabilità tiegħu favur European Disability Card b’użu doppju. Bil-ħruġ ta’ 26,575 dokument, dan wassal sabiex Malta tkun l-Istat Membru risponsabbli għall-akbar numru ta’ European Disability Cards per capita.

Finalment, tkellmet dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’negozjati riċenti dwar Direttiva tal-UE fuq din it-tema, fejn Malta użat l-esperjenza tagħha biex tappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea, u tiżgura li l-leġiżlazzjoni tirrifletti l-aħjar prattiċi. F’dan ir-rigward, il-ministru emfasizzat li Malta toħroġ dan id-dokument essenzjali mingħajr ħlas, u ħeġġet lil Stati Membri oħra sabiex isegwu dan l-eżempju.

Malta laqgħet l-impatt li l-European Disability Card se jkollha fuq persuni li jużaw annimali ta’ assistenza u assistenti personali, b’dan il-punt tal-aħħar ikun prijorità ewlenija fir-riforma dwar l-għajxien indipendenti li għaddejja bħalissa f’Malta, fejn anke kien hemm żieda fil-finanzjament għal dan il-qasam fil-Budget 2024.

Il-Ministru Farrugia Portelli enfasizzat ukoll li kemm l-implimentazzjoni kif ukoll ir-reviżjoni tad-Direttiva għandhom ikunu kompletament inklussivi għall-persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, fl-ispirtu ta’ ‘Xejn Dwarna, Mingħajrna’, inkorporat mill-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Ingħata wkoll rendikont dwar ix-xogħol li għamlet Malta f’dawn l-aħħar snin, u partikolarment mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, fejn jidħlu riformi fis-settur tad-diżabilità, u twettiq tal-manifest elettorali tal-gvern. Dan ġie diskuss waqt laqgħa bilaterali mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, ma’ Alejandro Moledo, Deputat Direttur, u Gunta Anca, Viċi-President tal-Forum.

Dawn l-uffiċjali faħħru lil Malta għall-avvanzi li saru, f’oqsma bħall-ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda, ir-riforma dwar l-assistenza personali u l-leġiżlazzjoni li ser tiġi proposta biex tiġi pprojbita l-isterilizzazzjoni furzata.

Dan is-suġġett tal-aħħar ġie diskuss ukoll u ntlaqa’ tajjeb ħafna minn Ana Pelaez, il-President attwali tal-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, u eks membru tal-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Is-Sinjura Pelaez kienet grata ħafna għall-isforzi kontinwi ta’ Malta f’dan il-qasam, u esprimiet ir-rieda tagħha li taħdem aktar ma’ Malta dwar suġġetti li jkopru l-intersezzjoni bejn id-diżabilità u l-ġeneru.

Sport