Wednesday, April 24, 2024

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo bi żjara uffiċjali fl-Eġittu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Eġittu Sameh Soukry, waqt żjara uffiċjali fil-Kajr.

Il-Ministru Bartolo fisser din iż-żjara bħala turija tal-impenn biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi fl-oqsma tal-kummerċ, l-investiment u l-kultura.

Fuq is-sitwazzjoni mwiegħra fil-Lvant tal-Mediterran, il-Ministru Bartolo tenna l-appell tiegħu biex il-partijiet kollha jirrikorru għal taħditiet kostruttivi u biex jirrisolvu kwalunkwe diżgwid madwar il-mejda. Dan mhux biss huwa essenzjali, iżda huwa wkoll fl-aqwa interess ta’ kulħadd. Huwa saħaq li biex il-kunflitt fil-Lvant tal-Mediterran ma jikbirx, hemm bżonn ta’ kompromess. “Kull kompromess iweġġa’, imma l-użu tal-forza u tal-armi jweġġa’ iżjed, l-iktar lill-innoċenti u lil dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.”

F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo fisser ir-realtà ta’ Malta bħala l-iċken stat fil-Mediterran, li la trid tagħmel ħsara lil ħadd u lanqas trid min jagħmel ħsara lilha. Huwa għalhekk li nsegwu l-politika tan-newtralità, tenna l-Ministru Bartolo, biex Malta la tintuża, u lanqas tuża lil ħadd kontra ħaddieħor.

“Bħala l-pajjiż fejn twieldet il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Liġi tal-Baħar, Malta hija favur is-sovranità ta’ kull pajjiż, ir-rispett tal-liġijiet internazzjonali, u li jinstabu soluzzjonijiet paċifiċi għal kull diżgwid.” Il-Ministru Bartolo żied li kull kunflitt fil-Mediterran jaffettwa l-Ewropa kollha u l-pajjiżi tal-madwar, b’impatt negattiv fuq ir-riżorsi tagħna li flok investiti fis-saħħa, fl-edukazzjoni, u fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali, qed imorru fix-xiri tal-armi.

Iż-żewġ naħat tkellmu wkoll dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, fejn il-Ministru Bartolo laqa’ l-waqfien mill-ġlied u saħaq li dmir il-pajjiżi l-oħra issa huwa li jgħinu lill-fazzjonijiet jaslu fi qbil dejjiemi bejniethom, biex jaħdmu flimkien favur Libja waħda u biex il-Libjani jitħallew ifasslu l-futur tagħhom fil-paċi u mingħajr indħil. Bħala pajjiżi ġirien, l-Eġittu u Malta qablu li l-paċi u l-istabbiltà fil-Libja huma essenzjali għall-paċi u l-istabbiltà fil-bqija tar-reġjun.

Il-Ministri tkellmu wkoll fuq l-impatt tal-immigrazzjoni irregolari fuq iż-żewġ pajjiżi, bil-Ministru Bartolo jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel iżjed biex tgħin pajjiżi bħal-Libja u l-Eġittu jħarsu l-fruntieri tagħhom u jiġġieldu lit-traffikanti tal-bnedmin. Huma qablu li hemm bżonn aktar investiment għall-progress ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi minn fejn jitilqu l-immigranti irregolari, biex b’hekk nindirizzaw l-isfida fis-sors tagħha.

Fuq il-Lvant Nofsani, iż-żewġ naħat qablu li kemm l-Iżrael u kif ukoll il-Palestina għandhom dritt għall-istati tagħhom, u li l-pajjiżi ġirien kollha jsibu modi kif jgħixu flimkien.

Il-Ministru Bartolo awgura ukoll li l-Eġittu, l-Etjopja u s-Sudan jaslu fi qbil dwar id-diga tax-xmara Nil.

Sport