Monday, November 11, 2024

Il-Ministru għall-Ġustizzja f’laqgħa mal-IĠM

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard iltaqa’ mat-tmexxija tal-Istitut għall-Ġurnalisti Maltin.  F’din il-laqgħa, il-Ministru Attard sostna li l-gvern jibqa’ impenjat li jkompli jgħin fit-tisħiħ tal-professjoni tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna, inkluż bit-tisħiħ tal-liġijiet li jħarsu lil dawk li jaħdmu f’din il-professjoni.

“Kien għalhekk li nħatar kumitat ta’ esperti dwar is-settur tal-midja kif suġġerit mill-Bord tal-Inkjesta Pubblika Daphne Caruana Galizia,” qal il-Ministru Attard li saħaq li dan kien pass ieħor biex ikomplu jkunu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika. Fil-fatt, dan il-kumitat qed jaħdem taħt it-tmexxija tal-Imħallef Michael Mallia li mexxa wkoll l-inkjesta pubblika.

Skont it-termini tal-ħatra tal-kumitat tal-esperti, ippubblikati f’Jannar li għadda, il-kumitat għandu sa sena mill-ħatra biex ilesti r-rapport finali tiegħu li se jkun ukoll ippubblikat. Fl-aħħar ġimgħat, ingħata wkoll rispons għal numru ta’ abbozzi ta’ liġijiet li pprepara l-gvern u li bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa, il-gvern ħass li għandu jitlob ukoll ir-rispons tal-kumitat. “Dak ir-rispons issa qed ikun analizzat biex il-gvern ikun f’pożizzjoni li jressaq il-bidliet legali quddiem il-parlament. F’dan kollu l-gvern se jkompli jaħdem b’sens ta’ djalogu u trasparenza sħiħa”, qal il-Ministru Attard.

Il-Ministru Attard sostna li l-bidliet li se jkomplu jsiru fiż-żmien li ġej f’dan is-settur, se jingħaqdu ma’ sensiela ta’ riformi bla preċedent li għamel dan il-gvern favur is-saltna tad-dritt u l-governanza tajba.

Il-President Matthew Xuereb u s-Segretarju Ġenerali Kurt Sansone attendew f’isem l-Istitut Ġurnalisti Maltin.

Sport