Tuesday, July 8, 2025

Il-Ministru għall-Ġustizzja jiftaħ Konferenza tal-Kummissjoni ta’ Venezja f’Londra

Malta b’aktar riformi tanġibbli fis-Saltna tad-Dritt

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, indirizza l-ftuħ ta’ konferenza internazzjonali f’Londra dwar is-Saltna tad-Dritt, organizzata mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tar-Renju Unit f’kollaborazzjoni mal-Foreign, Commonwealth and Development Office, il-Kummissjoni ta’ Venezja għad-Demokrazija permezz tal-Liġi, u ċ-Ċentru Bingham għas-Saltna tad-Dritt.

“Ninsabu hawn mhux biss biex niddiskutu kunċett, iżda biex nerġgħu nirriaffermaw l-impenn sod tagħna lejn pilastru fundamentali tad-demokrazija, is-Saltna tad-Dritt,” sostna Dr Attard. Huwa ddeskriva s-Saltna tad-Dritt bħala “l-garanti tal-libertà, is-sigurtà u l-mutur tal-prosperità” u sejjaħ biex tkun  “operattiva, viżibbli u determinata quddiem sfidi demokratiċi dejjem jikbru.” Huwa rrefera għar-riformi kostituzzjonali sinifikanti ta’ Malta u l-appoġġ tagħha lill-Kummissjoni ta’ Venezja biex tagħmel il-Checklist tas-Saltna tad-Dritt aktar aċċessibbli u effettiva.

Dr Attard enfasizza li, “Is-Saltna tad-Dritt trid tkun miżmuma, magħrufa u tinħass minn kull ċittadin, mhux biss minn professjonisti legali,” u faħħar l-isforzi tal-Kummissjoni biex tirrevedi u ttejjeb il-Checklist bħala “kompass morali u sistema ta’ twissija bikrija.”

Filwaqt li saħaq fuq in-natura fit-tul tar-riforma demokratika, Dr Attard żied jgħid: “Aħna nagħrfu wkoll li r-riforma mhix avveniment wieħed, iżda proċess kontinwu, wieħed li jeħtieġ perseveranza, riflessjoni u r-rieda li nadattaw maż-żmien. Matul l-aħħar xahar, ippreżentajna u ddiskutejna fil-Parlament riforma Kostituzzjonali oħra maħsuba biex tissaħħaħ is-salvagwardja legali tagħna u tkompli ttejjeb l-indipendenza ġudizzjarja.”

F’dan il-kuntest, huwa semma l-ħolqien ta’ Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura, figura kostituzzjonali ġdida maħtura b’mod indipendenti mill-ġudikatura biex iżomm standards etiċi. Dan il-Kummissarju, maħtur mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, mhux mill-politiċi, se jkun inkarigat li jinvestiga nuqqasijiet etiċi fil-ġudikatura. Dan l-iżvilupp kostituzzjonali, li kien appoġġjat ukoll mill-ġudikatura Maltija, ġie deskritt bħala sinjal ta’ maturità istituzzjonali u reżiljenza demokratika.

Bħala l-pajjiż li bħalissa qed jokkupa l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, Malta kkonfermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u s-Saltna tad-Dritt. Id-diskors ta’ Dr Attard enfasizza r-rwol ta’ Malta bħala sieħeb proattiv fl-iffurmar ta’ Ewropa fejn l-integrità legali mhux biss tinżamm iżda tiġi ċċelebrata. “L-avukati jistgħu jiddefendu s-Saltna tad-Dritt, iżda huma n-nies biss li jistgħu jżommuha ħajja,” temm jgħid Dr Attard.

Diskorsi ewlenin saru wkoll minn Lord Collins, Ministru tal-FCDO tar-Renju Unit; il-Professur Kaarlo Tuori, President Onorarju tal-Kummissjoni ta’ Venezja; u l-Avukat Ġenerali tar-Renju Unit. Preżenti wkoll għall-konferenza kien hemm Dr Michael Frendo, membru tal-Kummissjoni ta’ Venezja għal Malta, u Dr Fleur Abela, d-Deputata Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport