Il-Ministru Glenn Bedingfield jenfasizza l-importanza tar-riabilitazzjoni u t-tieni opportunità waqt żjara fiċ-Ċentru Korrettiv għaż-Żgħażagħ C.O.R.R.S.

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, żar iċ-Ċentru Korrettiv għaż-Żgħażagħ C.O.R.R.S., fejn ra mill-qrib il-ħidma li ssir mal-minorenni u ż-żgħażagħ li jkunu qed jinżammu fiċ-ċentru, b’enfasi fuq ir-riabilitazzjoni, il-gwida u l-appoġġ meħtieġ biex ikunu jistgħu jibnu futur aħjar.

Il-Ministru Bedingfield saħaq dwar l-importanza li ż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom u jirċievu l-għajnuna meħtieġa biex jerġgħu jibnu ħajjithom. Huwa enfasizza li r-riabilitazzjoni u l-gwida huma parti importanti mill-ħidma korrettiva, flimkien mal-ħtieġa li tinżamm is-sigurtà.

Bħalissa, fiċ-ċentru hemm 26 żagħżugħ, kollha rġiel. Iċ-ċentru jista’ jilqa’ fih żgħażagħ ta’ bejn l-14 u l-21 sena, għalkemm fil-preżent m’hemm ħadd ta’ 14-il sena.

Il-ħidma ma’ kull żagħżugħ titwettaq permezz ta’ pjan ta’ kura individwali, li jinkludi l-involviment ta’ psikologu u social worker f’kull każ. Dan l-approċċ għandu l-għan li jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull żagħżugħ u jgħinu fil-proċess ta’ riabilitazzjoni tiegħu.

Meta jkun possibbli, il-ħidma testendi wkoll għall-familja, filwaqt li l-attivitajiet terapewtiċi, fosthom it-terapija okkupazzjonali, jgħinu liż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet u jħejju ruħhom għal ħajja aktar pożittiva.

Matul iż-żjara ġie spjegat ukoll li mhux iż-żgħażagħ kollha li jinżammu fiċ-ċentru jkunu qed jiskontaw sentenza. Ħafna jkunu għadhom taħt arrest, u għalhekk il-perjodu li jqattgħu fiċ-ċentru jista’ jkun relattivament qasir.

F’każijiet fejn tingħata sentenza, iż-żmien li ż-żgħażagħ iqattgħu fiċ-ċentru ġeneralment ivarja bejn tmien xhur u tliet snin.

Il-Ministru Bedingfield tenna li l-ħidma f’dan il-qasam teħtieġ approċċ li jgħaqqad ir-responsabbiltà mal-opportunità għal bidla, sabiex iż-żgħażagħ jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jagħmlu għażliet aħjar u jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà.

“Kull żagħżugħ għandu jingħata l-gwida u l-appoġġ meħtieġ biex ikun jista’ jibni futur aħjar. Ir-riabilitazzjoni tfisser li, filwaqt li nżommu r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħna, noħolqu wkoll l-opportunitajiet għal bidla u bidu ġdid,” tenna l-Ministru Bedingfield.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport