Wednesday, November 27, 2024

Il-Ministru Grima jisħaq li kull att ta’ vjolenza qatt mhu tollerat

Aqra wkoll

Il-Ministru Clifton Grima stqarr li kull att ta’ vjolenza qatt mhu tollerat u jirringrazzja lill-edukaturi tal-mod immedjat u effettiv kif ikkontrollaw is- sitwazzjoni fl-inċident ta’ nhar it-Tlieta li għadda fl-Iskola Medja tan-Naxxar.

Qal dan fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni bħala aġġornament għall-istqarrija preċedenti maħruġa iktar kmieni llum mill-MUT b’reazzjoni għall-inċident.

Huwa kompla billi fakkar illi f’kull istituzzjoni edukattiva ta’ pajjiżna, inkluż fl-Iskola Medja tan-Naxxar, qed isir ġid kbir mill-edukaturi li jaħdmu b’tant dedikazzjoni u impenn sabiex jagħtu l-aħjar edukazzjoni lill-istudenti kollha. 

Rigward id-dettalji ta’ kif ġara l-każi u l-passi dixxiplinarji li ttieħdu, il-Ministeru fisser li:

  • Kien hemm argument li żviluppa fi ġlieda bejn żewġt itfal ta’ 12-il sena waqt il-break;
  • Il-ġlieda twaqqfet b’mod immedjat minn edukaturi li kienu fuq superviżjoni u t-tfal intbagħtu dirett fl-uffiċċju tat-tmexxija tal-iskola;
  • Waħda mit-tfal daħlet fil-kitchenette u qabdet butter knife f’idha, imma b’mod immedjat kienet imrażżna mill-edukatur li kien fuq superviżjoni;
  • It-tmexxija tal-iskola ħadet azzjoni mal-ewwel u dakinhar stess it-tmexxija tal-iskola bagħtet għall-ġenituri u, minbarra passi dixxiplinarji, l-istudenti qed jingħataw l-għajnuna neċessarja fiċ-ċirkostanza mit-tim psiko-soċjali tal-Kulleġġ Il-Ministeru, kif dejjem għamel, anki f’dan il-każ, qed jieħu l-miżuri kollha biex jagħti l-appoġġ kollu lill-edukaturi. Il-Ministru Grima talab ukoll lit-tmexxija tal-iskola biex tinvestiga l-każ, filwaqt li jappoġġja l-passi kollha li ttieħdu mill-iskola.

09.20 a.m. L-MUT titlob biex isiru diskussjonijiet u aġġornament fid-dixxiplina għall-iskejjel tal-Istat

Fi stqarrija maħruġa mill-MUT, b’rabta mal-inċident li seħħ bejn żewġ studenti fl-Iskola Medja tan-Naxxar, hija qalet li tinsab f’kuntatt mal-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex tagħmel ċert li jkun provdut is-sapport meħtieġ lill-iskola u biex jittieħdu l-passi dixxiplinarji. L-istess unjin talbet ukoll lill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex jinbdew diskussjonijiet biex eventwalent tiġi aġġornata l-politika tad-dixxiplina għall-iskejjel tal-Istat.

F’dan id-dawl, l-MUT saħqet dwar il-pożizzjoni tagħha illi mhuwiex aċċettabbli li l-istudenti jġibu ruħhom b’dan il-mod, filwaqt illi wegħdet is-sapport meħtieġ lill-edukaturi kollha li affaċċjaw jew qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet bħal dawn.

Fl-aħħar nett, l-MUT temmet l-istqarrija tagħha b’talba lill-awtoritajiet tal-edukazzjoni sabiex iżommu sod meta jiġu affaċċjati b’sitwazzjonijiet bħal dawn.

Sport