Monday, May 13, 2024

Il-Ministru Ian Borg bi żjara uffiċjali fit-Turkija

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat, il-Gvern Malti, irrappreżentat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, kellu laqgħa bilaterali f’Ankara mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tat-Turkija Mevlüt Çavuşoğlu.

Matul din il-laqgħa, il-Ministru Ian Borg irringrazzja lill-Gvern Tork ta’ din l-istedina uffiċjali sabiex ikomplu jittejbu u jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u t-Turkija, b’mod partikolari matul din is-sena hekk kif qed niċċelebraw il-55 anniversarju mill-bidu tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru Borg qal li matul din il-laqgħa komplew jiġu diskussi l-possibbiltà ta’ aktar kollaborazzjoni u ftehimiet fis-setturi tal-edukazzjoni, tal-marittimu, tal-sport u tar-riċerka u l-innovazzjoni fost oħrajn.

“Malta temmen li t-Turkija kienet u se tibqa’ sieħeb essenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-prijoritajiet tagħna jkomplu jikkonfermaw l-importanza ta’ azzjoni konġunta fir-reġjun”, qal il-Ministru Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet mal-Ministru Mevlüt Çavuşoğlu. Il-ministru għall-affarijiet barranin kompla jgħid li d-diskussjoni kienet tinkludi wkoll il-ħidma fir-reġjun tal-Mediterran u anke s-sitwazzjoni fil-Libja.

Dr Borg kellu l-opportunità li jispjega lill-Ministru Çavuşoğlu aktar fid-dettall il-prijoritajiet ta’ pajjiżna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda minn Jannar li ġej. Huwa sostna li Malta se tkun qed tmexxi ’l quddiem prinċipju ċar ħafna ta’ djalogu u paċi. Fl-aħħar nett, Malta rringrazzjat lit-Turkija tal-impenn tagħha ftit tax-xhur ilu biex twettaq il-ftehim tal-Black Sea Grain.

Sport