Saturday, May 4, 2024

IL-PN SE JIBQA’ PARTIT TAL-LE FIS-SENA LI ĠEJJA?

Aqra wkoll

Hekk kif bħall-kumplament tal-popli tad-dinja, ninsabu fuq l-għatba ta’ sena ġdida u tmiem is-sena li aħna fiha, ikun għaqli li naraw fejn stajna bħala Maltin ma morniex tajjeb daqskemm xtaqna matul is-sena 2022. U għalhekk ikun jaqbel li nirriflettu ftit biex ma nirrepetux xi żbalji li stajna għamilna u kif nistgħu dawn nirranġawhom.

Għax li xi ħadd jiżbalja huwa parti mill-ħajja umana imma l-agħar hu li l-iżball nibqgħu nippersistu fih. Bħala poplu għandna ħafna tajjeb u għandna għalxiex inkunu kburin li aħna Maltin, b’danakollu m’għandniex nikkuntentaw b’dak li aħna s’issa. Irridu naraw kif inkomplu ntejbu mġiebitna lejn xulxin. L-ewwel pass f’din id-direzzjoni jrid isir mill-klassi politika.

Dan ngħiduh għaliex fil-fehma tagħna, l-oppożizzjoni nazzjonalista fil-parlament għadha ma rrealizzatux dan. Għadha ma fehmitx l-importanza tad-dibattitu matur u serju kif jixraq f’demokrazija parteċipattiva u attiva. Għax jekk kellna nħarsu lura u nanalizzaw id-diskorsi ta’ wħud mid-deputati tal-PN, ma nisimgħux ħlief arroganza, firda u sens ta’ superjorita assoluta. 

Id-diskors insensittiv li għamel dan l-aħħar il-kap tal-PN dwar l-emendi għal Kodiċi Kriminali biex titħares is-saħħa u l-ħajja tal-mara waqt it-tqala huwa prova ċara ta’ hekk. Jgħid x’jgħid il-kap tal-PN, bid-diskors li għamel ġibed fuqu l-istmerrija ta’ bosta individwi u għaqdiet.

B’dan li qed ngħidu, m’għandniex il-ħsieb jew l-intenzjoni li noħolqu xi polemika politika, iktar u iktar f’dawn il-jiem ta’ ferħ li matulhom nixtiequ u nawguraw lil xulxiun is-sliem, is-saħħa u kull ġid. Qed ngħiduh imma għax nemmnu verament li l-passat huwa mera tal-futur, u ma nixtiequx li l-istorja tirrepeti ruħha.

Aġir u diskorsi, ħafna drabi mhux denji, min-naħa ta’ l-oppożizzjoni ma nixtiequhx li jkompli matul is-sena li ġejja. Ma jistax ikun aktar li l-oppożizzjoni nazzjonalist tibqa tgħid le u topponi kważi għal kollox u għal kulma jagħmel il-Gvern Laburista. Il-kritika għandha ssir, u dan huwa d-dmir ewlieni tal-opożizzjoni, iżda l-kritika għandha tkun tali li twassal biex l-affarijiet jitjiebu u jsiru dejjem aħjar għal benefiċċju tas-soċjeta kollha u tal-ġid komuni.

Nemmnu li jekk il-Partit Nazzjonalista mhux ser jagħraf dan u se jkompli għaddej bl-istess ritmu li fil-fehma tagħna huwa negattiv, se jibqa ankrat mal-bankijiet tal-oppożizzjoni għax se jkun diffiċli ferm għalih li jirkupra l-appoġġ li tilef u qed ikompli jitlef. U dan b’detriment għas-saħħa tad-demokrazija f’pajjiżna.

Sport