Saturday, May 4, 2024

Il-Ministru Ian Borg jafferma d-diplomazija diġitali bħala għodda kruċjali fil-ħidma għall-paċi

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg ħabbar il-pubblikazzjoni ta’ dokument li jidentifika t-triq ’il quddiem għad-diplomazija diġitali fil-politika barranija ta’ Malta.

Waqt il-preżentazzjoni tad-dokument fil-Bini tal-Parlament il-Ġimgħa waranofsinhar, il-ministru spjega li b’mod strateġiku, dan id-dokument qed jilqa’ għall-isfidi li jġibu magħhom it-teknoloġiji diġitali u jsarrafhom f’opportunitajiet ta’ paċi, governanza, tolleranza u prosperità f’Malta u fil-ħidma tal-Korp Diplomatiku Malti mal-komunità globali.

Id-dokument, “A Digital Diplomacy Profile for Malta”, jispjega kif pajjiżna qed jikkonferma l-impenn tiegħu li jkun proattiv fil-qasam diġitali, f’setturi li jvarjaw mir-regolamentazzjoni ta’ kumpaniji teknoloġiċi u l-użu etiku tal-intelliġenza artifiċjali, sal-governanza tal-internet u s-sigurtà ċibernetika.

Il-Ministru Ian Borg semma kif f’dawn l-aħħar snin pajjiżna wera d-determinazzjoni li juża r-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu biex ikompli jgħolli ‘l fuq isem Malta u l-aġenda ewlenija tal-politika barranija tal-gvern – il-paċi u l-prosperità.

“Aħna pajjiż żgħir li din is-sena mhux biss aħna eletti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, iżda anke qed immexxu l-OSCE, l-akbar organizzazzjoni reġjonali tas-sigurtà u l-koperazzjoni fid-dinja, wara qbil unanimu bejn 57 pajjiż. Din hi d-determinazzjoni li rridu nkomplu nuru anke fir-rigward tad-diplomazija diġitali. Huwa għalhekk li llum qed nippreżentaw dan id-dokument biex nimmassimizzaw l-opportunitajiet li toffri l-era diġitali fil-ħidma tagħna f’kull livell internazzjonali,” qal il-Ministru Borg.

“Id-diplomazija diġitali tippermetti wkoll li nagħtu aktar spazju għal vuċijiet differenti fid-djalogu dwar temi importanti, bħall-ħidma għall-paċi, il-ġlieda kontra l-intolleranza u l-azzjoni klimatika, lil hinn mis-swali tal-konferenzi internazzjonali, u aktar qrib in-nies,” żied jgħid il-ministru. 

Spjega wkoll kif diplomazija diġitali b’saħħitha tista’ twassal ukoll għal opportunitajiet ekonomiċi ġodda għal Malta u Għawdex, hekk kif tgħin biex twassal il-messaġġ dwar il-potenzjal kummerċjali tal-pajjiż b’mod virtwali f’pajjiżi fejn bħalissa m’hemm l-ebda forma ta’ rappreżentanza fiżika.

Il-Ministru Borg irringrazzja lill-korp diplomatiku Malti li qed jaħdem bla heda biex jiżgura li Malta tkun imħejjija tajjeb għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-era diġitali, filwaqt li jkompli jkollha rwol importanti f’dan il-qasam, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-pajjiż.

Id-dokument ippubblikat il-Ġimgħa jippreżenta qafas ta’ kif id-dinja diġitali għandha tiġi integrata biex b’mod olistiku titwettaq il-ħidma diplomatika ta’ Malta. Il-Professur Andre Xuereb, l-Ambaxxatur tematiku ta’ Malta għall-Affarijiet Diġitali, li mexxa t-tfassil tad-dokument, spjega kif l-idea hi Malta tinteraġixxi ma’ kull pajjiż ieħor fid-dinja u ma tinteraġġixix biss fuq livell fiżiku imma fuq livell diġitali. Għaldaqstant f’dan id-dokument insibu qafas li se jwassal għal kif dan għandu jsir bl-aktar mod effettiv.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport