Saturday, December 21, 2024

Il-Ministru Ian Borg jinħatar Chairman-In-Office tal-OSCE għall-2024

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, f’isem Malta, inħatar bħala ċ-Chairman-In-Office tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni tal-Ewropa (OSCE) għall-2024.

Waqt il-laqgħa Ministerjali tal-OSCE li qed issir fi Skopje l-Maċedonja ta’ Fuq, b’mod unanimu, Malta ġiet ivvutata sabiex isservi bħala Chairmanship-In-Office ta’ din l-organizzazzjoni importanti. Matul din il-laqgħa, il-Ministru Ian Borg irringrazzja lill-istati membri kollha ta’ dan il-vot b’saħħtu li sejjaħlu bħala vot ta’ fiduċja fil-politika barranija ta’ Malta.

Ta’ min jinnota li matul dan il-Kunsill Ministerjali tal-OSCE wara li ntlaħaq il-qbil dwar iċ-Chairperson-In-Office Ian Borg, permezz ta’ djalogu anke bis-sehem ta’ Malta intlaħaq qbil dwar l-estensjoni tal-erba’ pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan l-OSCE.

Fid-diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Malti sostna li Malta tilqa’ dan l-irwol b’ottimiżmu u nemmnu li f’dan iż-żmien li qed ngħixu l-irwol tal-OSCE huwa relevanti u aktar importanti minn qatt qabel. “L-unanimità murija għall-għażla ta’ Malta turi ambizzjoni kollettiva biex flimkien naraw li din l-organizzazzjoni tibqa’ tkun waħda b’saħħitha,” qal il-ministru. Il-Ministru Borg sostna kif dan iċ-Chairmanship se jkun qed jaħbat mas-60 anniversarju mill-Indipendenza ta’ pajjiżna u 20 sena mid-dħul ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea u b’hekk dan ikompli juri kif il-valuri li jikkostitwixxu l-politika barranija ta’ Malta bħal prinċipji u l-obbligazzjonijiet internazzjonali għadhom mill-aktar b’saħħithom. Huwa kompla jgħid kif anke b’dan l-irwol il-ġdid pajjiżna se jibqa’ jservi bħala l-pont ta’ paċi u dak li jiffaċilita aktar koperazzjoni.

Bħala Chairman għall-2024, Ian Borg qal li Malta hija impenjata li twettaq id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħha fiż-żmien li ġej u saħaq li biex dan isir b’suċċess hemm bżonn il-kooperazzjoni u l-appoġġ tal-istati parteċipanti kollha.

Waqt li kien qed jitkellem fil-kapaċità nazzjonali tiegħu bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Malta, Ian Borg qal li l-multilateraliżmu fid-dinja tal-lum qiegħed jaffaċċja sfidi kbar, iżda din tibqa’ ċentrali sabiex ikunu indirizzati bosta kunflitti globali li qed jiġru madwarna bħalissa. Għalhekk pajjiżna jemmen li l-OSCE hija għodda tajba biex nindirizzaw bosta materji.

Ekonomija

Sport