Tuesday, September 24, 2024

Il-PM iħabbar proġett biex gżejjer żgħar isaħħu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima

Aqra wkoll

Fil-marġini tal-COP28, f’Dubaj, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza avveniment organizzat minn Malta, li ffoka fuq l-adattament u r-reżiljenza ta’ gżejjer żgħar għat-tibdil fil-klima.

Avveniment li matulu l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern Malti se jkun qed jiffinanzja proġett ieħor, din id-darba ta’ riċerka, li se jkun qiegħed isaħħaħ il-Climate Vulnerability and Resilience Index, għodda li tgħin gżejjer żgħar jidentifikaw il-vulnerabbiltajiet tagħhom għall-effetti tat-tibdil fil-klima biex ikunu jistgħu jilqgħu għalihom.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li jekk ma naġġornawx il-mod li bih noperaw, mhux biss niffaċċjaw spejjeż ekonomiċi kbar imma ngħarrqu l-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna u li għalhekk bħala pajjiż qegħdin nimbottaw ukoll aġenda li biha stati żgħar madwar id-dinja bħal Malta, jindirizzaw sfidi marbuta mat-tibdil fil-klima fosthom bl-inizjattiva Islands for Islands li l-Prim Ministru kien ħabbar fil-COP26. Inizjattiva li wasslet biex l-Aġenzija għall-Enerġija u Ilma ta’ Malta tassisti lil gżejjer oħra iżidu l-kapaċità tagħhom fl-immaniġġjar aħjar tar-riżorsi skarsi tal-ilma u għalhekk tgħin gżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw sabiex jegħlbu l-isfidi uniċi li jiffaċċjaw relatati mat-tibdil fil-klima.

Sport