Wednesday, July 24, 2024

UNL tan-Nisa: Il-Maltin miżmuma mill-Moldova

Aqra wkoll

Moldova………. 0

Malta………….. 0

F’partita valida minn Grupp C1 ta’ League C tal-UEFA Nations League tan-Nisa li ntlagħb f’Zimbru Stadium fil-belt ta’ Chisinau, Malta spiċċat fi draw ta’ 0-0 kontra l-Moldova biex nhar it-Tlieta li ġej, fis-Centenary Stadium,  tilgħab il-logħba deċiżiva kontra l-Latvja li għelbu lil Andorra bl-iskor ta’ 4-0.

B’hekk draw jkun biżżejjed għall-Maltin minħabba li qed jillidjaw il-klassifika b’vantaġġ ta’ tliet punti.

Ir-rebbieħ ta’ dan il-grupp jikseb il-promozzjoni għal-League B.

Intant, kienet partita li fiha l-Maltin ħolqu l-aktar okkażjonijiet ta’ skor, iżda naqsu  li jsibu x-xibka … biex din kienet l-ewwel darba li waqqajna l-punti. Peró fl-istess waqt għadna ma sofrejna l-ebda goal.

Kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu mal-kwarta logħob meta xutt ta’ Haley Bugeja minn pożizzjoni idelai, intemm barra.

Il-Moldova wieġbu fil-21 minuta permezz ta’ xutt ta’ Claudia Chiper li ġie salvat mill-goalkeeper, Janice Xuereb.

Fit-43 minuta, il-free-kick ta’ Rachel Cuschieri spiċċa għoli u mill-azzjoni li segwiet, Xuereb kienet providenzjali għal pajjiżna meta evitat goal ċert mit-tentattiv ta’ Claudia Chiper.

Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, minn pożizzjoni ideali, Cuschieri falliet il-mira. L-avversarji rreċiprokaw permezz ta’ Carolina Tabur li wkoll xeħtet barra.

Fis-67 minuta, ersaqna viċin iżda mill-cross ta’ Alishia Sultana, Haley Bugeja naqset li tikkonnettja biex iċ-ċans intilef.

Fit-80 minuta, il-Moldova qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players wara li tkeċċiet Felicia Gutu għat-tieni karta safra.

Peró l-Maltin ma approfittaw minn din is-superjoritá numerika biex l-iskor baqa’ ma nbidilx. 

Moldova: 1-Margarita Panova, 19-Anastasia Sivolobova, 16-Madalina Badicea­nu, 15-Felicia Gutu, 4-Valeria Virlan, 18-Anastasia Cernitu (14-Cristina Musteata 61), 20-Anastasia Tomu, 10-Carolina Tobur, 17-Nadejda Co­lesnicenco, 11-Claudia Chiper, 6-Veronica Cojuhari (3-Mihaela Catarau 78) – Coach: Nicolae Bunea  

Malta: 1-Janice Xuereb, 18-Emma Xuereb, 5-Stephania Xuereb, 4-Emma Lipman, 3-Ann-Marie Said, 17-Brenda Borg, 20-Nicole Sciberras, 8-Rachel Cuschieri, 10-Maria Farrugia (11-Kailey Willis 87), 21-Haley Bugeja, 7-Ylenia Cara­bott (9-Alishia Sultana 46) – Coach: Manuela Tesse

Referee: Louise Thompson (Irlanda ta’ Fuq)

Assistenti: Victoria Finlay, Rachel Greer (Irlanda ta’ Fuq)

Raba’ Uff.: Jamie Robinson (Irlanda ta’ Fuq)

Skorers: Ħadd

Tkeċċiet: F. Gutut 80 (Mld)

Ammoniti: F. Gutu (2), V. Virlan, C. Chiper (Mld)

Ekonomija

Sport