Sunday, December 29, 2024

Il-Ministru Jo Etienne Abela jattendi għal-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ministri tas-Saħħa

Aqra wkoll

Fi Brussell, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela attenda għal-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ministri għas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea.

Fl-intervent tiegħu dwar il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa, il-ministru spjega li filwaqt li Malta hija awto suffiċjenti fin-numru ta’ tobba, tiddependi fuq ir-reklutaġġ ta’ infermiera u carers barranin. Huwa tenna li Malta tappoġġja  bis-sħiħ kull sforz tal-Presidenza Belġjana, biex jiġi assigurat li kull stat membru jkollu provvista sikura ta’ infermieri.

Huwa saħaq fuq l-importanza ta’ miżuri favur il-familja, l-edukazzjoni u l-ħiliet fid-diġitalizzazzjoni. Saħaq li l-inklużjoni tal-intelliġenza artifiċjali hija importanti għax tgħin il-prestazzjoni tal-ħaddiem, iżda m’għandiex tissostitwixxi l-ħaddiem. Id-Deputat Prim Ministru tal-Belġju Dr Frank Vandenbroucke u d-Direttur Reġjonali tal-WHO Dr Hans Kluge, laqgħu s-suġġerimenti tal-Ministru Abela b’mod pożittiv meta kienu qed jagħmlu r-rimarki konklussivi tagħhom.

Il-ministru tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-Istati Membri kollha jintensifikaw il-ħidma tagħhom f’dak li jirrigwarda kura preventiva, sabiex ikompli jonqos il-mard tal-puplesija, mard tal-qalb u l-kanċer.

Dwar l-aċċess għall-farmaċewtika, il-Ministru Abela insista li fil-qafas farmaċewtiku li qed jiġi nnegozjat bħalissa, l-istati membri ż-żgħar għandhom igawdu mill-benefiċċji sħaħ tas-suq waħdieni. Dan sabiex jiġi assigurat aċċess ekwu għall-mediċini bi prezz ġust. “Ma jistax ikun hemm Unjoni tas-Saħħa mingħajr aċċess ekwu għall-mediċini. Il-pożizzjoni ta’ Malta se tkun kontra kull forma ta’ impediment f’dan ir-rigward,” temm jgħid il-ministru.

Ekonomija

Sport