Saturday, May 4, 2024

Ċpar oranġjo qawwi għatta l-Greċja

Aqra wkoll

Il-Kapitali Griega ta’ Ateni fil-jiem li għddew kienet l-aktar li nħakmet minn ċpar magħqud ta’ lewn oranġjo li drammatikament kesa lill-belt kapitali. Dan kien ikkawżat minn sħab dens ta’ trab li nieżel mid-deżert tas-Saħara u huwa wieħed mill-agħar episodji meterjoloġiċi li laqat lill-Greċja mill-2018 ‘l hawn.

Il-Greċja kienet diġà ntlaqtet minn sħab simili ta’ trab lejn l-aħħar ta’ Marzu u l-bidu ta’ April, li kopra wkoll żoni saħansitra tal-Isvizzera u n-Nofsinhar ta’ Franza.
Il-kwalità tal-arja marret għall-agħar f’ħafna żoni tal-Greċja tant li l-bieraħ filgħodu il-famuż Akropoli ma baqgħetx tidher minħabba ċ-ċpar. Is-sħab ħakem mit-tramuntana sa Tessaloniki, it-tieni l-ikbar belt fil-Greċja.

Minħabba f’hekk, il-persuni kollha li jbatu minn kundizzjonijiet respiratorji ġew imħeġġa jillimitaw il-ħin li jqattgħu barra, jilbsu maskri protettivi u jevitaw li jagħmlu eżerċizzju fiżiku sakemm is-sħab tat-trab jiċċara.

Id-deżert tas-Saħara jitfa fl-arja 60 sa 200 miljun tunnellata ta’ trab minerali fis-sena. Il-biċċa l-kbira tat-trab jinżel malajr lejn id-Dinja, iżda wħud mill-partiċelli żgħar jistgħu jivvjaġġaw distanzi kbar, xi kultant jilħqu l-Ewropa.

It-temp tant kien imċajpar skur u solidu li l-meteorologu Kostas Lagouvardos qabbel din is-sitwazzjoni fil-Greċja mat-temp u l-atmosfera li normalment iseħħu fuq il-pjaneta Mars.

Is-servizz tat-tifi tan-nar nhar it-Tlieta rrapporta 25 nirien f’24 siegħa. Nirien ħakmu ħdejn bażi navali fil-gżira ta’ Kreta fejn it-temperaturi telgħu ‘l fuq minn 30C u għadd ta’ djar u ċentri tal-kindergarten kellhom jiġu evakwati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport