Wednesday, July 24, 2024

Il-Ministru Jonathan Attard jemmen li l-‘gagging order’ fuq l- akkużati biss kienet sproporzjonata

Aqra wkoll

“It-talba tal-Prosekuzzjoni biex issir dik deskritta pubblikament bħala ‘gagging order’ fuq l-akkużati biss, nemmen li kienet sproporzjonata. Dan speċjament f’kuntest fejn kellek inkjesta kkaratterizzata minn leakage strateġiku wara ieħor u pronunzjament ta’ aktar minn Imħallef wieħed li jiddeplora dan kollu”

Dan iddikjarah il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attardwaqt programm tar-radju. Il-Ministru Attard saħaq li mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-każ, iħoss li jinsab fid-dmir li bħala Ministru responsabbli mill-Ġustizzja jesprimi l-fehma tiegħu dwar dan fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-indipendenza tal-prosekuzzjoni.

Fil-fehma tal-Ministru Attard, dak mitlub mill-maġistrat u ċioe li kulma jingħad u jintqal dwar każ li jkun għadu qed jinstema’, għandu jkun fl-interess tar-retta amministazzjoni tal-Ġustizzja, huwa dak mistenni minn kull min jemmen fil-prinċipji l-aktar bażiċi tal-Ġustizzja.

Kien hawn fejn Attard fakkar li s-seduti qed isiru fil-miftuħ u li; “l-kuntest ta’ din il-kawża, huwa wkoll wieħed karatterizzat minn kummenti pubbliċi kontinwi li għandu jingħad ukoll illi ħafna minnhom jarmu għalkollox il-preżunzjoni tal-innoċenza u huma fis-sustanza tagħhom tgħajjir lill-akkużati”.

Il-Ministru għall-Ġustizzja għamel referenza wkoll għall-għaqda Repubblika, fejn qal li sa dalgħodu stess, din ħarġet stqarrija fejn allegatament ċanfret lill-Qorti u li għalhekk permezz tal-istess stqarrija pubblika, qiegħda tindaħal bla rażan fl-amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Attard qal ukoll; “Napprezza li l-prosekuzzjoni hija żeluza li ma jkunx hemm trial by media, li hemm Għaqdiet u nies fl-Oppoożizzjoni ilhom jagħmlu, iżda jidhirli li l-prosekuzzjoni għandha wkoll tassigura li l-investigaturi ta’ pajjiżna jistħarrġu serjament il-leakages li kontinwament jimminaw is-serenità fl-amministrazzjoni tal-Ġustizzja”.

Ekonomija

Sport