Friday, October 11, 2024

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ppreżentata bi ktieb ta’ tifkira mill-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ġiet ippreżentata bi ktieb li jfakkar il-15-il anniversarju minn meta reġa’ ġie organizzat il-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa. Din l-idea żvolġiet waqt laqgħa li kellha mal-kumitat ta’ din l-għaqda sportiva. Il-preżentazzjoni tal-ktieb, ‘Id-distrett ta’ Birżebbuġa: 15-il sena minn meta reġa’ ġie organizzat’ saret mill-president tal-klabb, Ian Farrugia, waqt attività quddiem il-maħżen tad-dgħajjes li l-klabb għandu x-Xatt tal-Belt.

F’kelmtejn għal din l-okkażjoni, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li din hi għaqda li l-impenn tagħha mhuwiex biss lejn iż-żgħażagħ tal-lokalità imma wkoll fuq bażi nazzjonali bil-parteċipazzjoni tagħha f’avvenimenti bħalma hija r-Regatta Nazzjonali tat-8 ta’ Settembru u dik ta’ Jum il-Ħelsien 31 ta’ Marzu.

Il-ministru semmiet li, “Dawn huma avvenimenti segwiti mhux biss minna l-Maltin imma wkoll jiffurmaw parti mill-kalendarju turistiku”.

“Hu ta’ sodisfazzjon meta tara għaqda volontarja bħal din toffri żvog sportiv lil numru sostanzjali ta’ żgħażagħ mil-lokalità. Nafu kemm hu ta’ kontribut il-qasam sportiv għal saħħet il-bniedem u għaż-żamma ’l bogħod minn perikli magħrufin”, ikkonkludiet il-Ministru Julia Farrugia Portelli. 

Is-segretarju ta’ Klabb Regatta Birżebbuġa Freeport, Simon Micallef, irringrazzja lill-ministru għas-sostenn tagħha matul is-snin u ħeġġeġ lid-dilettanti biex jakkwistaw kopja tal-ktieb b’xejn u fl-istess waqt ikun apprezzat jekk tingħata donazzjoni lill-klabb.

Klabb Regatta Birżebbuġa twaqqaf l-ewwel darba fl-1971 imma maż-żmien waqaf milli jkompli jiffunzjona sakemm reġa’ ġie organizzat fis-sena 2004. Minn dakinhar il-klabb ħa sehem regolari fit-tiġrijiet organizzati mill-Għaqda Regatta Nazzjonali, 30 regatta maqsumin fi 15-il regatta ta’ Jum il-Ħelsien u 15 ta’ Jum il-Vitorja.

Il-ktieb, miktub minn Alex Azzopardi, jagħti ħarsa lejn l-istorja kollha tal-klabb.

Sport