Sunday, December 22, 2024

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli żżur lill-voluntiera tal-Malta Red Cross fil-Jum Internazzjonali tal-Voluntiera

Aqra wkoll

Fis-37 sena minn meta l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għażlet il-5 ta’ Diċembru bħala l-jum dedikat lill-voluntiera kollha, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret lill-għaqda volontarja Malta Red Cross u lill-voluntiera li jaħdmu fi ħdanha.

Fil-messaġġ tagħha, il-Ministru rringrazzjat lill-1,780 għaqda volontarja f’pajjiżna u lill-10,000 voluntier li joffru l-ħin u l-ħiliet tagħhom b’altruwiżmu għall-proxxmu kif ukoll b’sens ta’ dover għall-komunità.

Hija faħħret ix-xogħol nobbli li twettaq ir-Red Cross Malta fuq l-art kif ukoll fil-bajjiet Maltin u Għawdxin.

Matul iż-żjara l-Ministru kellha l-opportunità li tara numru ta’ proġetti li saru permezz tal-fondi maħruġin mill-iskema VOPS. Permezz ta’ dawn il-fondi, l-għaqda volontarja għamlet numru ta’ proġetti li ħaddnu l-inklużjoni u s-solidarjetà, b’din tal-aħħar tkun it-tema magħżula għal din is-sena għal dan il-jum.

Wieħed mill-proġetti li Red Cross Malta se tkun qed tibda huwa korsijiet tal-ewwel għajnuna għal persuni b’diżabilità u persuni b’nuqqas ta’ smigħ. Dan il-proġett se jkun qiegħed isir b’investiment ta’ €20,000 mill-iskema VOPS.

Il-missjoni tal-għaqda volontarja Malta Red Cross hija li tipprevjeni t-tbatijiet tal-persuni l-aktar vulnerabbli u tara li dawn ikunu ssalvagwardjati.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet akkumpanjata mill-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba u mal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju Mauro Pace Parascandolo.

Ekonomija

Sport