Tuesday, October 1, 2024

Il-Ministru Owen Bonnici jinawgura l-ftuħ tal-uffiċċju ewlieni tal-FES

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici inawgura l-ftuħ tal-uffiċċju ewlieni tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi. Preżenti kien hemm is-CEO tal-FES Dermot Galea, flimkien maċ-Chairperson tal-FES Pamela Schembri u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Francis Fabri.

Il-Ministru Bonnici għamel referenza kif l-FES minn dejjem kienet fuq quddiem nett sabiex toffri inizjattivi edukattivi u servizzi li jgħinu sabiex ikun hemm bilanċ aħjar bejn il-ħajja tal-familja u x-xogħol. Il-Fondazzjoni kienet propju maħluqa speċfikament biex tassisti tfal u ġenituri f’dak li huwa żvilupp edukattiv f’soċjetà li dejjem qed tevolvi.

“Illum il-ġurnata, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi hija entità sinonima mal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Fiċ-ċentri tagħna jintlaqgħu eluf ta’ tfal minn sena għal sena fi tliet proġetti kbar li huma ċ-Childcare, Klabb 3-16 u Skolasajf. Minħabba li d-domanda għas-servizzi tal-Fondazzjoni kibret, din ġabet magħha l-ħtieġa ta’ uffiċini ġodda. Dan irriżulta f’uffiċċju prinċipali f’Ħal Qormi li huwa aktar aċċessibli u li jgħinha noffru servizz ta’ kwalità aħjar,” żied jgħid il-Ministru Owen Bonnici.

Iċ-Chairperson tal-FES Pamela Schembri spjegat kif, “Kull entità li jkollha suċċess, ikollha warajha riżors uman b’saħħtu. Ir-riżors uman jilgħab parti importanti fl-iżvilupp, fit-tisħiħ u fil-bdil tal-kultura ta’ kull entità. Dan huwa wieħed mill-pilastri importanti li jagħmel il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi dak li hi. Hawnhekk, wieħed isib tim żgħir li jaħdem bla heda. Kien għalhekk importanti li wieħed mhux biss jiġbed lejh riżors uman tajjeb imma li jipprovdi sit minn fejn dawn jistgħu jaħdmu b’aktar kumdità. Sit modern li jilqgħak u li ġie attrezzat għall-esiġenzi tal-Fondazzjoni.”

Is-CEO tal-FES Dermot Galea qal li, “Il-ftuħ ta’ dawn l-uffiċini għall-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi huwa punt ta’ tluq importanti biex l-entità tkompli tikber u jkollha post li tista’ ssejjaħ id-dar tagħha. Huwa post li fih nistgħu nkomplu naħdmu, noħolqu programmi ġodda, u wkoll spazju bżonnjuż biex nagħmlu taħriġ għal ħafna ħaddiema li jaħdmu mal-entità. Inħoss li dawn l-uffiċini ġodda ser jagħtu dehra ġdida lill-entità, dehra li jistħoqilha.”

L-FES topera 13-il ċentru ta’ ħarsien tat-tfal madwar Malta. Dawn iċ-ċentri huma rreġistrati mad-Dipartiment għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni u jsegwu ukoll il-Linji Gwida Nazzjonali għal Faċilitijiet taċ-Childcare, u joffru servizz għal tfal minn tliet xhur sa tliet snin. Fihom l-edukaturi kkwalifikati jieħdu ħsieb li kull tifel u tifla jitgħallmu bis-saħħa tal-logħob f’ambjent li huwa stimulanti u mimli mħabba. Il-programm ta’ attivitajiet huwa ffukat biex jgħin it-tfal fil-ħames oqsma tal-iżvilupp tagħhom; l-iżvilupp fiżiku; intellettwali; tal-lingwa; emozzjonali u dak soċjali.

L-edukaturi fiċ-childcare centres jaħdmu id f’id mal-ġenituri sabiex jingħataw l-opportunitajiet biex jinvestu fil-futur ta’ uliedhom bis-saħħa ta’ tagħlim pożittiv li jippreparahom bl-aħjar mod possibbli għall-futur tagħhom.

Klabb 3-16 hu programm edukattiv imwettaq b’mod mhux formali li jsir wara l-ħin tal-iskola. Dan is-servizz jiġi offrut fi 30 ċentru madwar Malta u Għawdex. Dan jiġi pprovdut tul is-sena kollha, kif ukoll waqt il-vaganzi tal-iskola lil tfal bejn it-3 u s-16-il sena. Peress li d-domanda għal dan is-servizz kiber, il-Fondazzjoni ser iżżid żewġ ċentri ġodda, li se jkunu fl-Iskola Primarja tal-Qawra u f’dik ta’ San Ġwakkin, Marsaskala.

Skolasajf huwa offrut matul il-vaganżi tas-Sajf għal tfal bejn it-3 u 16-il sena. Skolasajf joffri programm prinċipali li jsir filgħodu, però f’uħud miċ-ċentri hemm ħinijiet estiżi sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu minnhom dawk il-ġenituri li jaħdmu. Dan is servizz jiġi offrut f’madwar 60 ċentru f’Malta u f’Għawdex. Skolasajf toffri edukazzjoni mwettqa b’mod non-formali b’ħafna attivitajiet, bħalma huma krafts, tisjir, kif wkoll mistiednin li jipprovdu workshops ukoll ma’ msieħba diversi u għaqdiet non-governattivi.

Waqt l-inawgurazzjoni, is-CEO u ċ-Chairperson tal-FES irringrazzjaw lill-Ministru Owen Bonnici tal-għajnuna u l-appoġġ li dejjem intwera mill-Ministeru.

Sport