Monday, May 6, 2024

Il-Ministru Owen Bonnici ma żgwidax lill-Kamra b’dak li qal

… f’ruling mill-Ispeaker mitlub mid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’ruling li ta l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Dr Anġlu Farrugia, ma sabx li l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici kien qed jiżgwida lill-Kamra meta kien qed iwieġeb lid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott.

Din il-kwistjoni kienet tqajmet mill-Onor. Carabott, wara li fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari kien għamel referenza għall-programm elettorali tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni fir-rigward tas-sezzjoni dwar il-Kunsilli Lokali.

Huwa kien staqsa jekk hemmx il-ħsieb li sa Ġunju li ġej, meta se jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, hux se jidħol il-mekkaniżmu sabiex ikun hemm ir-rappreżentazzjoni ugwali bejn is-sessi.

“Naf li fil-manifest tal-Partit Laburista hemm il-wegħda li għall-ewwel elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jidħol il-mekkaniżmu bħalma daħal fil-Parlament jew xi ħaġa simili. Sal-elezzjoni li ġejja l-Gvern se jimplimenta din il-wegħda elettorali li għamiltu”, staqsa l-Onor. Carabott.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bonnici qal li jieħu gost jara lill-istess Deputat Nazzjonalista jieħu interess fil-wegħdi li qed jagħmel il-Gvern. Qal li din jista’ jkun li hi wkoll indikazzjoni li anke l-Oppożizzjoni tal-pajjiż taf li l-wegħdi li jagħmel il-Gvern, iwettaqhom. Però, huwa ċċara li l-impenn elettorali kien dwar l-istudju ta’ din il-miżura.

Kien proprju hawn meta l-Onor. Carabott talab lis-Sedja jekk il-Ministru kienx qed jiżgwida lill-Kamra bir-risposta tiegħu. Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker qal li jidher ċar li l-Onor. Bonici għamel referenza għall-analiżi li għandha ssir kif huwa indikat fl-istess proposta tal-manifest elettorali.

“Il-paragrafu tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista li qed issir referenza għalih jitkellem ċar dwar l-analiżi tar-riżultati tal-mekkaniżmu li jkun diġà ġie ntużat fl-elezzjoni ġenerali li trid issir qabel ma jitħaddem mekkaniżmu simili fil-Kunsilli Lokali.

Is-Sedja għalhekk ma  tarax illi l-Ministru Owen Bonnici kien qed jiżgwida l-Kamra meta qal: “Però lill-ħabib tiegħi l-Onor. Carabott irrid nikkoreġih għaliex ma qarax il-wegħda elettorali, il-commitment elettorali, li hemm b’mod korrett. Il-commitment elettorali huwa dwar l-istudju ta’ din il-miżura.” 

“Jidher ċar li hemm il-kliem “kull fejn hu possibbli” wara li ssir analiżi,” kompla jgħid l-Ispeaker. Għalhekk, is-Sedja, għalkemm tifhem li forsi l-interpretazzjoni tista’ ma tkunx daqshekk ċara, u dan wassal sabiex il-Membru Parlamentari ħass li r-risposta mhix ċara, anzi jaħseb li l-Ministru kien qed jiżgwida lill-Kamra, dan mhux bilfors huwa l-każ.

L-Ispeaker tenna jgħid li jidher ċar li l-Ministru Bonnici u anke l-Onor. Carabott kienu qed jikkwotaw l-istess paragrafu tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista, iżda ż-żewġ membri parlamentari taw interpretazzjoni differenti ta’ dak li hemm miktub.

Għalhekk fiċ-ċirkostanzi, is-Sedja, filwaqt li qalet li l-Onor. Carabott kellu kull dritt li jressaq dik it-talba, tenniet li ma jirriżultalhiex li l-Ministru Owen Bonnici kien qed jiżgwida lill-Kamra bit-tweġiba tiegħu.

Sport