Sunday, November 24, 2024

Il-Ministru tal-Enerġija f’diskussjoni ma’ Ċipru dwar il-prijoritajiet tal-MED9 għas-settur tal-enerġija

Aqra wkoll

Malta u Ċipru għandhom l-istess impenn u determinazzjoni biex jiżguraw li titwettaq id-Dikjarazzjoni ta’ Malta (Malta Statement) biex il-Mediterran isir ċentru t’enerġija nadifa. Din kienet l-assigurazzjoni konġunta li taw il-Ministru tal-Enerġija ta’ Malta Miriam Dalli u l-Ministru tal-Enerġija ta’ Ċipru George Papanastasiou waqt konferenza internazzjonali dwar l-enerġija rinnovabbli li ffukat ukoll fuq l-inizjattiva tal-enerġija tal-grupp ta’ pajjiżi tal-MED9.

“Malta u Ċipru jaqsmu l-istess impenn u entużjażmu sabiex jistabbilixxu l-Mediterran bħala ċentru tal-enerġija nadifa,” qalet il-Ministru.

“Irridu niżguraw li dan l-impenn ikompli jirriżulta f’aktar impenn lejn l-enerġija rinnovabbli sena wara sena. Dan se jħeġġiġna biex ninvestu aktar fir-riċerka u l-iżvilupp fl-enerġija rinnovabbli speċjalment f’teknoloġiji offshore, interkonessjonijiet ġodda, smart grids u soluzzjonijiet ta’ ħażna tal-enerġija. Dan se jsaħħaħ ukoll il-potenzjal t’aktar impjiegi fl-ekonomija l-ħadra u iżjed opportunitajiet ta’ investiment ekoloġiku,” kompliet il-Ministru Dalli.

Din id-direzzjoni hija riżultat tal-viżjoni li Malta nediet fl-ewwel laqgħa tal-Ministri tal-Enerġija tal-MED9 f’Mejju li għadda. Waqt din il-laqgħa fil-Belt Valletta, il-pajjiżi tal-MED9 iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Malta, fejn qablu dwar l-iżvilupp ta’ kurituri tal-enerġija rinnovabbli fil-Mediterran bħala pilastru ewlieni fl-impenn lejn in-newtralità tal-klima.

Id-disa’ pajjiżi waqqfu kumitat tat-tmexxija konġunta biex jiffoka fuq l-aċċelerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli offshore u l-interkonnessjonijiet bejn il-pajjiżi tal-MED9 u r-reġjuni l-oħra tal-Mediterran.

“Iċ-ċavetta għal dan kollu hija li jirnexxielna niksbu aċċess għall-finanzjament meħtieġ għal din it-transizzjoni, peress li t-teknoloġija li tista’ tgħinna niżviluppaw dan il-potenzjal hija ferm ogħla minn sistemi li jistgħu jiġu installati fuq l-art jew f’ibħra inqas fondi,” żiedet tgħid il-Ministru Dalli.

Intant, l-inizjattiva tal-enerġija MED9 ġibdet l-attenzjoni tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Rinnovabbli, IRENA li wiegħdet li se tagħti l-appoġġ biex l-impenji miftiehma dwarhom fid-dikjarazzjoni Konġunta tal-Belt Valletta jitwettqu.

“L-investiment fl-enerġija rinnovabbli mhuwiex biss sforz għal futur aħjar iżda aktar importanti minn hekk, huwa l-aħjar soluzzjoni biex jingħelbu l-isfidi preżenti,” tenniet il-Ministru Miriam Dalli.

Waqt is-seba’ Konferenza Internazzjonali dwar is-Sistemi tal-Enerġija Rinnovabbli u l-Effiċjenza fl-Enerġija, f’Ċipru, il-Ministru Dalli spjegat ukoll il-viżjoni ta’ Malta għal ċentru tal-enerġija l-ħadra u l-blu fir-reġjun tal-Mediterran.

Malta qed taħdem biex tilħaq il-miri klimatiċi tagħha permezz ta’ diversi inizjattivi, inkluż it-tnedija riċenti tal-Qafas tal-Politika Nazzjonali għar-Rinnovabbli Offshore, interkonnessjonijiet ġodda mal-Ewropa, elettrifikazzjoni, investiment f’infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku aktar reżiljenti, sistemi kbar tal-ħażna ta’ batteriji, it-twaqqif tal-pjattaforma tal-ESG fejn il-kumpaniji jirrapportaw il-kisbiet tagħhom fl-effiċjenza tal-enerġija u kriterji oħra bħala parti mir-Rappurtaġġ tas-Sostenibbiltà Korporattiva tagħhom, kif ukoll il-ħruġ riċenti tal-ewwel green bonds tal-pajjiż.

Sport