Wednesday, July 24, 2024

F’Settembru jitkejjel nofs l-ammont ta’ xita mistenni f’dan ix-xahar

Aqra wkoll

Settembru ta bidu għas-sena tax-xita l-ġdida, iżda minħabba li x-xahar ipproduċa biss 29.6 mm xita kien ħafna aktar xott min-norma klimatika (59.2 mm).

Fis-sitt jum tax-xahar, li kien l-aktar jum imxarrab, tkejlu 11.2 mm xita, hekk kif il-gżejjer Maltin esperjenzaw ġimgħa ta’ temp instabbli. Dakinhar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel ukoll l-aktar buffura riħ qawwija tax-xahar, li kienet ta’ 34 knot mill-Grieg it-Tramuntana. Matul ix-xahar, il-veloċità tar-riħ medja laħħqet it-8 knots, jiġifieri xi ftit ogħla min-norma klimatika.

Wara l-instabbiltà esperjenzata fl-ewwel jiem ta’ Settembru, it-temp qaleb għall-aħjar, bix-xemx u t-temperaturi għoljin jerġgħu jibdew jagħmlu tagħhom. It-temperatura massima ta’ Settembru laħħqet l-34°C fid-dsatax-il jum, u b’hekk qabżet in-norma għall-ogħla temperatura b’5.4°C. Madankollu, it-temperatura medja għal Settembru ta’ 25°C kienet biss marġinalment ogħla min-norma ta’ 24.9°C.

Min-naħa l-oħra, it-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar kienet ta’ 26.9°C u b’hekk qabżet in-norma b’5.7°C.

Filwaqt li Settembru gawda minn medja ta’ 8.6 sigħat xemxin kuljum, fl-aktar jum imdawwal tax-xahar tkejlu aktar minn 11-il siegħa xemxin u fil-jum l-aktar mudlam, li ħabat għall-bidu tax-xahar, ix-xemx ma dehritx. Matul Settembru, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 258 siegħa xemxin u b’hekk ix-xahar kien xi ftit aktar xemxi milli mistenni.

Ekonomija

Sport