Friday, May 3, 2024

Il-Ministru u Chair-In-Office tal-OSCE Ian Borg iwiegħed li Malta se tibqa’ taħdem biex issaħħaħ il-multilateraliżmu

Aqra wkoll

Permezz tal-Presidenza tal-OSCE, Malta qed tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha li tistinka għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, quddiem sfidi globali li qed jesperjenzaw ħafna komunitajiet f’diversi reġjuni.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, li bħalissa għandu wkoll l-irwol ta’ Chair-in-Office tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) għall-2024, spjega l-ħidma taċ-Chairpersonship Maltija ta’ din l-organizzazzjoni, waqt seduta tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, fi New York, il-Ġimgħa.

Din is-seduta kienet waħda storika għall-pajjiż, għaliex matul ix-xahar t’April, Malta għandha wkoll il-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà. Għalhekk, filwaqt li fil-jiem ta’ qabel il-Ministru Borg kien qed jippresjedi l-istess Kunsill, fil-laqgħa tal-Ġimgħa kien qed jieħu sehem bħala ċ-Chair-in-Office tal-OSCE, hekk kif fil-post ta’ President tal-Kunsill, f’isem Malta minflok il-Ministru, kien hemm l-Ambaxxatriċi u r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda Vanessa Frazier.   

Iċ-Chair-in-Office Ian Borg enfasizza l-impenn ta’ pajjiżna biex itejjeb il-paċi u s-sigurtà internazzjonali fid-dawl tal-isfidi globali li qed jesperjenzaw il-popli. Matul id-diskors, huwa iddeskriva l-prijoritajiet u r-responsabbiltajiet strateġiċi ta’ Malta matul din il-Presidenza tal-OSCE għall-2024.

Taħt it-tema “Insaħħu r-reżiljenza. Inżidu s-sigurtà” Malta għandha l-għan li tara rwol aktar attiv tal-OSCE f’dan iż-żmien partikolari li għaddejja minnu l-Ewropa u diversi reġjuni oħrajn madwarha. Il-Ministru Borg enfasizza l-pożizzjoni ġeografika unika ta’ Malta biex tgħaqqad il-Lvant u l-Punent, u l-Ewropa u l-Afrika filwaqt li tiffaċilita d-djalogu u l-kooperazzjoni għal stabbiltà u paċi.

Fl-indirizz tiegħu, iċ-Chair-In-Office tkellem dwar il-gwerra Russa fl-Ukrajna u kkundanna l-aggressjoni li qed twassal għal sofferenzi kbar f’dan il-pajjiż, filwaqt li afferma mill-ġdid l-appoġġ sod ta’ Malta għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Għal darb’oħra esprima l-impenn determinat tiegħu favur il-ħelsien ta’ tliet uffiċjali tal-Missjoni Speċjali ta’ Monitoraġġ tal-OSCE li qed jinżammu detenuti illegalment.

“Il-Presidenza ta’ Malta se tipprijoritizza aġenda robusta fit-tliet dimensjonijiet tal-OSCE. Se tiżgura impenn komprensiv dwar id-drittijiet tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà, l-isfidi ċibernetiċi, it-theddid transnazzjonali, u l-konformità tal-kontroll tal-armi. Apparti dan, għandna inizjattivi mmirati lejn it-tnaqqis tal-firdiet diġitali, it-tisħiħ tar-reżiljenza għall-klima u t-tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel,” spjega l-Ministru Ian Borg.

Iċ-Chair-In-Office Borg afferma mill-ġdid id-dedikazzjoni ta’ Malta għall-promozzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni multilaterali bħala l-aktar modi sostenibbli għall-kunflitti li għandna madwarna. Iddikjara wkoll l-impenn biex titrawwem aktar il-libertà tal-midja, tissaħħaħ is-sigurtà tal-ġurnalisti u tkun miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u t-traffikar tal-bnedmin.

Dan huwa mmirat mhux biss biex ikun indirizzat it-theddid immedjat għas-sigurtà, iżda wkoll sabiex ikun imrawwem futur reżiljenti, sigur u paċifiku għall-istati membri kollha tal-OSCE.

Sadanittant, fi New York il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa ma’ Mirjana Spoljaric, President tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), fejn esprima l-appoġġ ta’ Malta għall-ħidma umanitarja ta’ din l-organizzazzjoni biex tgħin ħafna persuni li qed ibatu minħabba gwerer, faqar u sfidi oħrajn madwar id-dinja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport