Thursday, December 26, 2024

Il-Ministru Zammit Lewis flimkien mas-Segretarju Parlamentari Cutajar jindirizzaw il-konferenza “Breaking the Cycle of Violence”

Aqra wkoll

L-għan tal-proġett ‘Breaking the Cycle of Violence’ hu li jgħin lil nisa vulnerabbli li jinsabu f’riskju akbar ta’ vjolenza domestika jew vittmi biex ikissru ċ-ċiklu tal-vjolenza. Il-proġett identifika erba’ gruppi fil-mira – nisa LGBTIQ, nisa b’diżabbiltà, nisa migranti u vittmi ta’ vjolenza domestika – li ngħataw sessjonijiet ta’ mentoring speċjalizzat dwar l-identifikazzjoni ta’ sinjali ta’ vjolenza u s-servizzi ta’ appoġġ disponibbli għalihom fost suġġetti oħra.

Minbarra dan, il-proġett inkluda kampanja ta’ sensibilizzazzjoni għall-pubbliku ġenerali, programm ta’ taħriġ għal min iħarreġ mal-Malta Girl Guides u l-Assoċjazzjoni tal-Iscouts ta’ Malta kif ukoll sessjonijiet ta’ informazzjoni ma’ avukati, persunal tar-riżorsi umani u impjegati tas-servizz pubbliku.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis faħħar dan il-proġett li l-għan tiegħu huwa li tiġi provduta l-għajnuna neċessarja lil dawk kollha vulnerabbli jew li huma l-iktar f’riskju li jsofru minn vjolenza ta’ kull tip, sew psikoloġika, ekonomika, sesswali jew fiżikali. Saħaq li rridu naħdmu bis-sħiħ biex verament inkissru dan iċ-ċiklu. Dan mhux biss billi nimplimentaw policies li se jkunu qed ibiddlu l-liġijiet ta’ pajjiżna u jgħinu lill-vittmi iżda wkoll billi nbiddlu l-mentalità ta’ dawk affettwati kif ukoll tal-aggressuri u tas-soċjetà kollha kemm hi.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar qalet li l-istatistika turi li fil-maġġoranza tal-każi l-vittmi huma nisa, fl-istess ma ninsewx li l-vjolenza domestika tinsab ukoll fil-konfront tal-irgiel, bejn koppji tal-istess sess kif ukoll mal-anzjani – xi drabi mit-tfal tagħhom stess. Żiedet li minħabba ċeri stampi li timponi fuqna s-soċjetà, dawn il-persuni jsibuha aktar diffiċli biex jirrappurtaw. Il-vittmi tal-vjolenza domestika għandhom jingħataw refuġju u għajnuna professjonali biex ma jkunux esposti għal theddid jew xi forom oħra ta’ aggressjoni.

Il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika Audrey Friggieri qalet li l-vjolenza domestika hija sintomu ta’ problemi fis-soċjetà. Huwa fenomenu li jista’ jolqot lil kulħadd – irġiel, nisa, bniet u subien kif ukoll persuni ta’ orjentazzjonijiet  sesswali  varji. Għalhekk, il-proġett ‘Breaking the Cycle of Violence’ ħares mill-qrib lejn il-fatturi sistemiċi li jistgħu jwasslu għal vjolenza u lejn it-tfassil ta’ intervenzjonijiet relevanti u sensittivi li jistgħu jgħinu lil kull bniedem, hu min hu, ġej minn fejn ġej.

Ekonomija

Sport