F’pajjiż fejn il-professjoni tal-qwiebel jew majjistra hija kważi esklussivament assoċjata man-nisa, Nathan Zahra Piscopo, wieħed mill-ewwel irġiel f’Malta li daħal għal dan il-qasam, qed jikser l-isterjotipi u juri kif il-kompassjoni, id-dedikazzjoni u l-ħila m’għandhomx ġeneru.
B’mod kalm u determinat, Nathan qed jikteb kapitlu ġdid fl-istorja tal-kura pre-natali f’Malta, u f’dan il-proċess qed jispira lil oħrajn biex isegwu l-vokazzjoni tagħhom – tkun xi tkun. Semmejna l-kalma. Anke f’leħnu hemm dik iċ-ċerta sigurtà li min jiġi taħt idejh se jieħu ħsiebu bl-aqwa mod possibbli. Dan il-ġurnal iltaqa’ miegħu u hu b’ċertu ħrara tana aktar kummenti dwar dan ix-xogħol li daħal għalih b’ruħu u ġismu.
“Il-miraklu tal-ħajja ma tistax tispjegah, trid tgħixu,” jgħidilna b’ċertu emozzjoni fil-leħen waqt l-intervista. “Li tara persuna titwieled, li tkun hemm f’dak il-mument kruċjali u tipprovdi appoġġ lill-omm u lill-koppja, hija xi ħaġa li ma ssibx fi professjonijiet oħra.”
Għal Nathan, l-interess fix-xogħol relatat mat-tqala u t-twelid kien ilu jberren f’moħħu sa minn żgħożitu. Kien magħruf għall-kompassjoni tiegħu, għall-mod kif kien jisma’ lin-nies u jagħtihom widen b’mod ġenwin, u għalhekk dawk ta’ madwaru mhux biss ma ssorprendewx ruħhom meta qalilhom li xtaq isir “midwife”, kif insejħulu bl-Ingliż, iżda qalulu li kienet għażla ideali għalih. “Ma kelli l-ebda oppożizzjoni. Anzi qaluli li se nkun il-qabla perfett.”
U hekk kien. Wara li għadda mill-proċess ta’ applikazzjoni għall-Università ta’ Malta, Nathan beda l-kors universitarju tal-qwiebel, l-ewwel raġel fl-istorja tal-università li għamel dan il-pass. Kien f’kuntest fejn sħabu tal-kors kienu kollha tfajliet, iżda Nathan jgħid li kien jinsabu f’ambjent ta’ rispett u għaqda. “Ma sibt l-ebda diffikultà ma’ sħabi tfajliet. Kien hemm rispett reċiproku, u rajt kemm hu importanti li fil-qasam tas-saħħa, dak li jgħodd mhux jekk intix raġel jew mara , iżda kif tagħmel xogħlok.”
Il-formazzjoni biex isir qabla mhux biss hija estensiva imma wkoll bilanċjata bejn il-prattika u t-teorija. Hemm erba’ snin involuti b’ħafna prattika u teorija. Fil-fatt, Nathan spjegalna li l-kors huwa mifrux fuq erba’ snin u jinkludi 2,400 siegħa ta’ taħriġ prattiku u anke teorija intensiva. “Il-kors huwa madwar 50% prattika u 50% teorija. Biex tirċievi l-kwalifika trid tgħaddi minn 40 twelid, 100 eżaminazzjoni u 40 każ ta’ kumplikazzjoni.” Il-ħidma ma ssirx biss f’klassijiet u swali iżda wkoll ħdejn l-ommijiet, f’mumenti tant delikati, li jeħtieġu mhux biss kompetenza iżda wkoll preżenza umana.
U dan hu li jfassal lil Nathan bħala qabla partikolari. “Għalija l-isbaħ parti hija meta tara lil omm twelled u tkun hemm mal-ġenituri f’dak il-mument ta’ ferħ. Ma naħdimx f’kuntest ta’ mard bħal tabib jew infermier imma mal-ħajja, man-natura stess. Li tkun preżenti għal xi ħaġa daqshekk naturali u sagra huwa privileġġ.”
Għalkemm il-kelma “midwife” għandha konnotazzjonijiet femminili – kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, Nathan m’hu jħalli xejn iwaqqfu milli jagħti l-aqwa minn tiegħu f’din il-professjoni. “Meta għamilt ir-riċerka, sibt li l-liġi Maltija tuża l-kelma ‘midwife’ għal kull min hu mħarreġ f’dan il-qasam, irrispettivament mill-ġeneru. U hu hekk li għandha tkun għax dak li jgħodd hu x’tiġbor fik bħala persuna: kompassjoni, vokazzjoni, u kapaċità li tagħti appoġġ reali f’mumenti intensi.”
Fl-istess waqt, f’diversi pajjiżi oħra, l-irġiel fil-professjoni tal-qabla qed jiżdiedu b’pajjiżi bħal l-Awstralja u l-Iżvezja jirreġistraw l-ogħla proporzjon ta’ qwiebel irġiel. F’Malta, Nathan jinsab fuq quddiem nett biex jinkiser dan l-isterjotip.
Diversi kollegi ġodda li kellhom x-xorti jsiru jafu qed iħarsu lejn il-preżenza ta’ Nathan bħala żvilupp pożittiv u meħtieġ.
“Fil-professjoni tal-qwiebel, dak li jimporta hu jekk il-persuna għandhiex il-valuri meħtieġa Jiġifieri kompassjoni, empatija, kura vera lejn l-omm u t-tarbija. Ma jimpurtax jekk intix raġel jew mara.” Kull min tkellem dwar Nathan kulħadd l-istess kelma. Hu wera dawn il-karatteristiċi, u anke aktar; ġuvni bi-lgħaqal, kapaċi, u maħbub mill-ommijiet li qed jassisti.
Nathan stess jgħid li l-klijenti spiss isiru bħallikieku membri tal-familja. “Tkun magħhom f’mument intimu u speċjali, u tifforma rabta li diffiċli tispjegaha. Għalhekk dan ix-xogħol irid isir b’dedikazzjoni totali – mhux għal paga jew prestiġju, imma għax tassew temmen fil-valur tiegħu.”
Biex wieħed jidħol fil-professjoni tal-qabla, Nathan jemmen li hemm bżonn ikollok ċertu kwalitajiet personali u mhux biss kwalifiki. “Irid ikollok vokazzjoni. Trid tkun kapaċi tifhem, tisma’, tagħti appoġġ. Jekk m’għandekx kompassjoni vera, ma tistax tagħmel dan ix-xogħol. U ma tagħmilx differenza jekk int raġel jew mara għax l-ommijiet japprezzaw il-preżenza ta’ min vera jimpurtah minnhom.”
It-triq li għażel Nathan mhux waħda faċli iżda hija waħda kuraġġuża, b’saħħitha u li kapaċi tbiddel il-ħajja tan-nies. Huwa mhux biss qed jagħti servizz siewi lil ħafna familji, iżda wkoll qed juri li fil-professjonijiet tas-saħħa, id-diversità hija valur miżjud.
B’għajnejh fuq il-futur, Nathan jitkellem b’passjoni dwar kif jaspira li jkompli jgħin biex jinbena settur tas-saħħa li jħaddan il-valuri ta’ empatija, inklużività u eċċellenza professjonali.
U f’dan kollu, Nathan Zahra Piscopo, mhux biss qed isir parti mill-istorja tal-qwiebel f’Malta iżda qed jikteb paġna ġdida bl-eżempju tiegħu stess.