Monday, December 23, 2024

Il-missjoni ta’ tiftix fiż-żona fejn iġġarraf l-ajruplan Ċiniż hija kompluta

Aqra wkoll

Il-ħaddiema tas-salvataġġ Ċiniżi lestew ix-xogħol ta’ tiftiex fiż-żona fejn ajruplan tal-passiġġieri ġġarraf il-ġimgħa li għaddiet. Issa jmiss li l-awtoritajiet ilestu rapport preliminari, liema rapport għandu jsir ta’ 30 jum wara l-inċident. 

Zhu Tao, mill-amministrazzjoni responsabbli mill-avjazzjoni fiċ-Ċina, qal li l-rapport finali dwar it-titjira se jkun qiegħed jiġi ppubblikat wara li jsiru l-investigazzjonijiet kollha neċessarji, u dawn jieħdu daqsxejn żmien mhux ħażin. It-titjira tal-Linja tal-Ajru China Eastern iġġarrfet f’żona muntanjuża fin-Nofsinhar taċ-Ċina fil-21 ta’ Marzu li għadda. Abbord it-titjira kien hemm 132 persuna.

Taħt il-liġi internazzjonali, wara 30 jum minn meta jseħħ inċident bħal dan irid jitressaq rapport quddiem l-aġenzija tal-avjazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ICAO, iżda dan mhux neċessarjament isir pubbliku. Ir-rapport finali mbagħad joħroġ madwar sena wara l-inċident, u xi drabi dan jieħu iktar żmien. Zhu qal li s’issa l-awtoritajiet wettqu l-analiżi preliminari tal-inċident fejn fost l-oħrajn ġiet analizzata t-trajettorja, il-pożizzjoni tal-ajruplan u s-saħħa tal-impatt hekk kif dan iġġarraf. Huma ġabru din l-informazzjoni mis-sistema tar-radar tat-torri tal-kontroll. Apparti hekk, l-awtoritajiet Ċiniżi bdew analiżi fuq id-dejta tal-kaxxa s-sewda filwaqt li esperti mill-Istati Uniti se jkunu qed jaslu fuq il-post biex jagħtu l-assistenza tagħhom.  Skont Zhu, minn fuq iż-żona tal-inċident inġabru xejn inqas minn 40,000 biċċa tal-ajruplan u dawn ittieħdu kollha ġewwa hangar.

Ekonomija

Sport